F’ruling l-Ispeaker isostni li l-mozzjoni tal-Gvern mhijiex skont ir-regoli tal-parlament biex tkun diskussa
Il-Gvern llum waranofsinhar ressaq mozzjoni fil-Parlament biex għada l-Erbgħa jimponi dibattitu fil-Parlament dwar id-deċiżjoni tal-Gvern stess li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tkun appuntata Prim Imħallef.
Kienet il-Whip tal-Gvern id-Deputat Laburista Naomi Cachia li qalet fil-Parlament li għada l-Erbgħa jintemm it-terminu tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti u allegat li ma kienx hemm indikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Għalhekk, qalet il-Whip Laburista, il-Gvern ressaq mozzjoni bl-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bħala Prim Imħallef u li din il-mozzjoni tkun diskussa għada l-Erbgħa biex kull membru tal-parlament jieħu pożizzjoni dwar din in-nomina tal-Prim Ministru.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kienet waħda onesta, konsistenti u trasparenti u nsista li quddiem din il-mozzjoni, il-Parlament għandu jimxi skont ir-regoli.
Il-Whip Laburista Naomi Cachia qalet li l-PN qed jinħeba wara l-proċeduri parlamentari u nsistiet li tixtieq il-mozzjoni tal-Gvern tkun diskussa għada l-Erbgħa.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar reġa’ sostna li l-Oppożizzjoni tinsisti li d-diskussjoni għandha ssir skont ir-regoli parlamentari.
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li kien se jagħti direzzjoni dwar din il-mozzjoni.
F’ruling li ta iktar tard fis-seduta tal-lum, l-Ispeaker iddeċieda li l-mozzjoni tal-gvern hi waħda li tirrikjedi tlett ijiem avviż biex tkun diskussa u qal li minbarra dan il-mozzjoni tal-gvern ma tinkwadra fl-ebda waħda mir-rekwiżiti meħtieġa biex tkun diskussa.


