Lokali Parlament

Il-Gvern mhuwiex iwettaq proġetti li fis-saħħa jilħqu s-soċjetà kollha

Ian Vassallo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo sostna fil-Parlament li l-Gvern mhuwiex iwettaq proġetti li fis-saħħa jilħqu s-soċjetà kollha.

Ian Vassallo qal li ħafna inċentivi mhux qed jaslu għand il-kategoriji kollha tas-soċjetà u saħaq li l-kunsilli lokali għandhom bżonn iktar investiment biex joffru servizzi importanti għall-persuni fil-komunitajiet.

Hu tkellem dwar is-saħħa u qal li l-miżuri tal-Gvern huma riċiklati għal diversi snin u suppost ilhom is-snin li kienu implimentati. Fil-fatt fis-settur tal-anzjani, kien Gvern Nazzjonalista li wettaq l-inizjattivi li llum għandhom tant importanti.

Il-Gvern mhuwiex jitkellem fuq il-listi ta’ stennija jew fuq in-nuqqas fis-servizzi fosthom l-infermiera, it-tindif u s-servizzi fid-djar għall-anzjani. Id-deputat Nazzjonalista qal li miċ-Ċentru Vincent Moran mhumiex qed jingħataw is-servzzi mediċi kollha waqt iċ-Ċentru Mediku tar-Rabat dam wisq biex reġa’ ntefaħ wara modernizzar minimu.

Dan filwaqt li fil-Klinika tal-Floriana għad mhemmx pjani dwar x’se jsir anki minħabba li hemm partijiet miċ-Ċentru li huma kkudannati. Hemm ukoll nuqqas fil-Klinika tal-Mosta, sostna Ian Vassallo, li qal li sentejn ilu l-Gvern kien qal li f’San Pawl il-Baħar kellu jiftaħ ċentru mediku ta’ eċċellenza iżda issa l-Gvern rema’ dan il-proġett u issa iddikjara mhuwiex se jsir. Il-ftit kliniċi li se jiftaħ il-gvern fit-Tramunata ta’ Malta minflok dan iċ-Ċentru Mediku mhumiex biżżejjed għall-popolazzjoni kbira tar-reġjun.

Dwar il-kura preventiva, Ian Vassallo appella lill-Gvern biex in-nies li għandhom bżonn mediku minħabba saħħithom jingħataw ukoll gym b’xejn għaliex dawn verament għandhom bżonn. Fis-saħħa mentali mhemmx impenn biżżejjed, sostna Ian Vassallo, li kompla li l-isptar għas-saħħa mentali ġdid issa mhuwiex se jsir; lanqas is-sala li wiegħed il-Gvern għadu m’għamel.

Jeħtieġ ċentru ta’ kura intermedjarja ħdejn Mater Dei, qal Ian Vassallo, li kompla li jeħtieġ li jsir investiment fil-ħaddiema barranin li hemm bżonn fis-settur tas-saħħa. Ir-Renial Unit għandha tkun imsaħħa waqt li f’Għawdex din għadha ma teżistix. Il-Gvern wiegħed li fl-ewwel kwart tal-2026, kellu jkun lest l-ewwel fażi tal-Isptar Ġenerali l-ġdid ta’ Għawdex iżda ma jidher li hemm xejn.

Ian Vassallo qal li jeħtieġ iktar servizzi għall-anzjani fil-komunità u li għad hemm problemi fil-mediċini li suppost jitqassmu. Hu spjega kif f’Malta ċertu mediċini jinbiegħu ħafna iktar għolja minn pajjiżi barranin.