Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika esprimiet is-sogħba tagħha għall-fatt li l-ħatra tal-president tal-ġudikatura, saret logħba ta’ pika politika li frankament qed tagħmel aktar ħsara lill-indipendenza u l-awtorità tal-ġudikatura milli kienu jagħmlu l-ħatriet antiki fejn il-prim ministru kien jagħżel waħdu.
Repubblika stqarret li “l-imġiba tal-Prim Ministru, Robert Abela turi li hu perfettament dispost idgħajjef lill-prim imħallef qabel jinħatar basta xorta effettivament jiddeċiedi waħdu.”
Fl-istqarrija, l-għaqda fakkret li għal sena wara oħra, il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet il-mod kif Malta taħtar lill-prim imħallef bħala metodu li mhux konformi man-normi demokratiċi Ewropej. Dan għax il-ġudikanti mhuma bl-ebda mod involuti fl-għażla ta’ dak li se jmexxihom. Repubblika qalet li dan idgħajjef l-indipendenza tal-ġudikatura li hu element essenzjali ta’ demokrazija li taħdem.
L-għaqda temmet tistaqsi saritx konsultazzjoni effettiva mal-ġudikanti fl-għażla tal-prim imħallef li jmiss u x’kienet il-fehma li esprimew il-ġudikanti f’din il-konsultazzjoni.
//= $special ?>

