Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ftit tal-ħin ilu reġa’ kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef wara li l-Prim Ministru qabad u ressaq Mozzjoni fil-Parlament biex l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tkun il-Prim Imħallef il-ġdid tal-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta.
Fl-ittra tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar lill-Prim Ministru li fl-aħħar laqgħa privata li kellhom bejniethom, kien diġà infurmah li ma kienx se jkun hemm qbil fuq l-isem propost mill-Prim Ministru.
Fakkru wkoll li fl-istess laqgħa kien ressaq isem ta’ persuna oħra u dakinhar Robert Abela infurmah li kien se jmur lura biex jiddiskuti din il-proposta fil-Grupp Parlamentari Laburista u jinfurmah bl-eżitu.
Xi ħaġa li sal-lum baqgħet ma saritx u minflok, il-Prim Ministru qabad u żvela pubblikament l-isem tal-imħallef prattikanti tal-għażla tiegħu għal din il-kariga meta kien jaf li dwaru m’hemmx qbil.
Fid-dawl ta’ dan, tkompli l-ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, wieħed ma jifhimx għalfejn il-Prim Ministru jrid jibqa’ jippersisti u saħanistra ressaq Mozzjoni fil-Parlament fuq persuna li kien diġà jaf li mhux se jkollha l-kunsens meħtieġ. Żgur li mhuwiex fl-aħjar interess tal-ġustizzja li ġudikant li għadu fil-kariga jkun sottomess għal din is-sitwazzjoni.
Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar lill-Prim Ministru li għadu qed jistenna r-risposta tiegħu fuq l-isem li ressaqlu, fakkru wkoll li għadu qed jistenna risposta anke għat-talba tiegħu biex jagħtih ġurnata u ħin biex ikomplu jiddiskutu b’mod matur, riservat u istituzzjonalment xieraq dwar din il-materja.
Alex Borg temm jgħid li matul din il-laqgħa – li għadu qed jistenna li ssir – hu jkun ukoll f’pożizzjoni biex, jekk ikun meħtieġ, anke jressaq ’il quddiem biex jiġu diskussi bejnu u l-Prim Ministru aktar ismijiet li fil-fehma tiegħu jħoss li wkoll jistgħu jkunu validi biex jiġu kkunsidrati għal din il-kariga.
//= $special ?>

