Messaġġ b’saħħtu mill-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fis-senat ta’ Spanja, fejn qalet li n-nies jistennew Ewropa li żżomm lin-nies siguri u protetti, tagħmel il-ħajja aktar sempliċi, u toħloq l-opportunitajiet u l-impjiegi meħtieġa biex issostni l-ġenerazzjoni li jmiss. Il-President Metsola saħqet li l-istorja Ewropea turi li t-tkabbir huwa mmexxi mit-tmexxija u l-kuraġġ li wieħed jaġixxi.
Il-President Metsola appellat għal tiġdied tar-relazzjoni mar-Renju Unit, filwaqt li nnotat li għaxar snin wara l-Brexit, id-dinja nbidlet ħafna. Hija ddikjarat li l-Ewropa u r-Renju Unit jeħtieġu mod ġdid ta’ ħidma flimkien, fuq il-kummerċ, id-dwana, ir-riċerka, il-mobilità, u fuq is-sigurtà u d-difiża.
Hija għamlet enfasi partikolari fuq l-alleanza mal-Istati Uniti, fejn iddikjarat li r-relazzjoni transatlantika tibqa’ l-aktar sħubija ekonomika importanti fid-dinja, waħda li wasslet għal aktar paċi u prosperità minn kwalunkwe oħra. Iżda dan jista’ jiġri biss fi spirtu ta’ rispett u fehim reċiproku.
Il-President Metsola ġiet mistiedna tindirizza lis-Senat ta’ Spanja fl-okkażjoni tal-40 anniversarju minn meta l-pajjiż ingħaqad mal-Unjoni Ewropea. Fil-Belt Kapitali Spanjola, il-President Metsola pparteċipat ukoll f’diskussjoni maż-żgħażagħ.
//= $special ?>

