Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet appell imressaq mill-Avukat tal-Istat u mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali sabiex jinqaleb ordni proviżorju li kien wassal għall-ħelsien mid-detenzjoni ta’ Ajil Al Muhsen, ċittadin Sirjan li kien qed jinżamm fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Al Muhsen kien wieħed minn seba’ Sirjani arrestati f’April tal-2024 b’rabta ma’ attivitajiet suspettużi ta’ natura ġiħadista fuq il-midja soċjali. Huwa kien ingħata l-libertà proviżorja fil-proċeduri kriminali, iżda sussegwentement reġa’ tpoġġa taħt detenzjoni amministrattiva.
Huwa kien daħal Malta b’passaport Ġermaniż falz u talab ażil, talba li ġiet miċħuda mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali fil-31 ta’ Ottubru 2025 u appellata quddiem it-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali fit-18 ta’ Novembru.
Jum qabel ma ġie ppreżentat l-appell, l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni ħareġ ordni ta’ detenzjoni kontra Al Muhsen fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà nazzjonali, kif ukoll minħabba biża’ li seta’ jaħrab. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata bħala legali mill-Bord tal-Appelli tal-Immigrazzjoni.
Wara li l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet rikors tiegħu li bih sostna li kien qed jinżamm illegalment, Al Muhsen fetaħ proċeduri kostituzzjonali fejn allega ksur tad-dritt għal-libertà u tad-dritt li ma jkunx soġġett għal trattament inuman jew degradanti. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha laqgħet talba għal miżura proviżorja u ordnat il-ħelsien tiegħu f’Diċembru.
L-Istat appella minn din id-deċiżjoni, billi sostna li x-xhieda ta’ uffiċjal mill-iskwadra kontra t-terroriżmu kienet ġiet miċħuda b’mod superfiċjali. Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali osservat li mill-provi prodotti ma rriżultax li Al Muhsen kien jikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja għall-interess fundamentali tas-soċjetà jew għas-sigurtà interna jew esterna ta’ Malta.
Il-Qorti nnutat ukoll li, minkejja li l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni kien sostna li Al Muhsen seta’ jkun ta’ periklu għalih innifsu jew għal oħrajn minħabba allegazzjonijiet ta’ ħsibijiet suwiċidali jekk jinstab ħati fil-proċeduri kriminali, ma kienet ġiet prodotta ebda evidenza li, wara li ngħata l-libertà proviżorja, huwa effettivament kien jikkostitwixxi tali riskju. Barra minn hekk, ma saritx valutazzjoni professjonali tas-saħħa mentali tiegħu u lanqas ma ġie inkarigat espert f’dan il-qasam.
Il-Qorti osservat li kieku l-awtoritajiet raw fih riskju ta’ ħarba, setgħu resqu quddiem il-qorti kriminali sabiex tintalab ir-revoka tal-libertà proviżorja. Minflok, ladarba ngħata l-bail, Al Muhsen sab ruħu detenut mill-ġdid mingħajr ebda avviż. Il-Qorti enfasizzat li d-detenzjoni, waħedha, mhux biss ma ssolvix is-sitwazzjoni iżda tista’ anzi tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa tal-individwu, b’mod partikolari meta d-detenzjoni tkun ta’ żmien indefinit.
Mill-atti quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Immigrazzjoni, il-Qorti kkonkludiet li d-deċiżjoni li jinżamm taħt detenzjoni kienet waħda aktar prekawzjonarja milli bbażata fuq riskju konkret. Il-Qorti Kostituzzjonali saħqet li, kieku ma ġietx ordnata l-ħelsien tiegħu, Al Muhsen kien jibqa’ detenut sakemm isir rieżami ieħor, jew sakemm jiġi deċiż l-appell tiegħu dwar l-ażil.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li prima facie kien hemm bażi valida sabiex tingħata l-miżura proviżorja u li l-kwistjonijiet kollha setgħu jiġu eżaminati fid-dettall matul il-proċeduri kostituzzjonali fil-mertu. Filwaqt li rrikonoxxiet li kumpens jista’ jingħata f’każ ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali, il-Qorti qalet li f’dan il-każ speċifiku n-nuqqas ta’ intervent kien ifisser detenzjoni indefinita.
L-appell tal-Avukat tal-Istat u tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ġie għalhekk miċħud.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Anthony Ellul. L-Avukat Miguel De Gabriele u l-Avukat Carina Bugeja Testa dehru għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-Avukati José Herrera u Martina Herrera assistu lil Al Muhsen.
//= $special ?>

