Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet appell imressaq minn Grace Gatt, li bih kienet qed titlob li l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi ordnat jipproduċi fl-intier tagħhom il-files u d-dokumenti interni kollha tal-Pulizija marbuta mal-investigazzjonijiet kriminali li saru fil-konfront tagħha, fosthom dawk relatati mat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fl-2010.
Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, li kkonfermaw digriet preċedenti tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) tal-14 ta’ Ottubru 2025.
Il-każ għandu l-għeruq tiegħu fi proċeduri kriminali li nbdew fl-2007 wara lment imressaq minn John Attard kontra Grace Gatt u Lourdes Castillo, fejn allega qerq, ingann u estorsjoni. Filwaqt li Castillo nstabet ħatja fl-2012 u ġiet ikkundannata sentenza sospiża u ordnata tħallas €93,000, Gatt ġiet ikkundannata fl-2017 għal parti mill-akkużi u ordnata tħallas €102,492. Is-sentenza tagħha ġiet ikkonfermata definittivament mill-Qorti tal-Appell Kriminali fis-6 ta’ Frar 2024, wara proċeduri li damu kważi 17-il sena.
Permezz ta’ rikors kostituzzjonali, Gatt allegat li d-dritt tagħha għal smigħ xieraq u għal proċeduri fi żmien raġonevoli kien ġie miksur, kif ukoll li l-ordni biex tħallas is-somma ta’ flus kienet sproporzjonata u bbażata fuq proċess difettuż.
F’dan il-kuntest hija talbet li l-Qorti tordna l-esibizzjoni tal-police files kollha dwarha, bil-għan li jiġi eżaminat l-operat tal-Pulizija u l-mod kif inġabru u ntużaw il-provi kontra tagħha. L-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija oġġezzjonaw bil-qawwa għal din it-talba.
Dan billi sostnew li l-police file jikkonsisti f’dokumenti privileġġjati, notamenti interni, intelligence, pariri legali u informazzjoni sensittiva li hija protetta mil-liġi, partikolarment mill-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u mill-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Argumentaw ukoll li t-talba ta’ Gatt kienet waħda ġenerika u setgħet twassal għal “fishing expedition”.
Il-Qorti Kostituzzjonali qablet ma’ din il-pożizzjoni u fakkret li l-privileġġ fuq dokumenti investigattivi huwa eċċezzjoni li tibqa’ tapplika anke meta investigazzjoni tkun ingħalqet. Osservat li l-fatt li proċess kriminali jkun ġie fi tmiemu ma jfissirx li l-file kollu jsir awtomatikament aċċessibbli, speċjalment meta jista’ jkun fih informazzjoni dwar terzi persuni, sorsi konfidenzjali jew pariri legali tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti nnutat ukoll li, filwaqt li l-Ewwel Qorti ċaħdet it-talba għal produzzjoni sħiħa tal-police file, xorta ħalliet miftuħ id-dritt ta’ Gatt li titlob dokumenti jew informazzjoni speċifika li tista’ tkun rilevanti għall-mertu tal-kawża, suġġetta għal skrutinju u salvagwardji xierqa. Skont il-Qorti Kostituzzjonali, dan l-approċċ bilanċjat kien biżżejjed biex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti.
Għaldaqstant, l-appell ġie miċħud fl-intier tiegħu, bl-ispejjeż jitħallsu minn Grace Gatt, u l-atti ntbagħtu lura quddiem l-Ewwel Qorti sabiex il-proċeduri kostituzzjonali jkomplu skont il-liġi.
//= $special ?>

