Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ċaħdet eċċezzjoni preliminari mressqa minn Mark Farrugia ta’ 57 sena, f’kawża ta’ droga li tmur lura għal Mejju tal-2009, u ordnat li l-proċeduri kriminali jkomplu.
Farrugia jinsab mixli b’pussess ta’ raża tal-cannabis mhux għall-użu esklussiv u b’attentat biex jikkommetti reat kontra l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi. Il-każ jirrigwarda operazzjoni tal-Pulizija li saret fis-26 ta’ Mejju 2009 wara informazzjoni dwar allegat negozju tad-droga.
Skont l-att tal-akkuża, Farrugia nstab fil-pussess ta’ 83.63 gramma raża tal-cannabis, filwaqt li minn stqarrija ġuramentata ta’ ċertu Mark Pisani rriżulta li kien hemm tranżazzjonijiet preċedenti u tentattiv biex Farrugia jixtri ammont akbar ta’ droga, liema tranżazzjoni ma seħħitx minħabba l-intervent tal-Pulizija.
L-akkużi jġorru pieni severi, inkluż priġunerija għal għomru u multa sostanzjali, kif ukoll il-konfiska tal-assi. L-eċċezzjoni mqajma mid-difiża kienet tiffoka fuq l-istqarrija li Farrugia ta lill-Pulizija fis-27 ta’ Mejju 2009, bil-pretensjoni li din m’għandhiex tingħata valur probatorju peress li ngħatat mingħajr l-assistenza legali.
Il-Qorti osservat li fiż-żmien rilevanti l-liġi Maltija ma kinitx tipprovdi d-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogatorju, u li l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza, kemm Maltija kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tirrikjedi analiżi tal-“overall fairness of the proceedings” u mhux skartar awtomatiku ta’ tali stqarrijiet.
Il-Qorti qieset li, ladarba l-proċess kriminali għadu pendenti u għad irid isir il-ġuri, ikun prematur li f’dan l-istadju tiddeċiedi dwar jekk l-użu tal-istqarrija jiksirx id-dritt għal smigħ xieraq. Enfasizzat li din l-analiżi għandha ssir fit-tmiem tal-proċeduri, meta l-provi kollha jkunu ġew evalwati flimkien. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ġiet miċħuda u l-kawża se tkompli quddiem il-Qorti Kriminali skont il-liġi.
Il-prosekuzzjoni qed tikkontendi li nhar is-26 ta’ Mejju tas-sena 2009, ilPulizija tal-Iskwadra kontra d-Droga ġew infurmati li ċertu Mark Pisani kien se jkun involut f’negozju tad-droga. Il-Pulizija ddentifikaw lil Mark Pisani u bdew jissorveljaw il-passi tiegħu.
Mark Pisani ntlemaħ jagħmel użu mill-vettura tal-għamla Volkswagen Golf ġewwa Ħal Qormi. Sussegwentement, il-Pulizija osservaw lil Mark Pisani dieħel fl-inħawi tas-Swieqi fejn hemmhekk intlemaħ irikkeb lil akkużat Marco Farrugia fil-karozza tiegħu.
Illi kien propju f’dan l-istadju li l-Pulizija preżenti intervjeniet bil-għan li jipproċedu bit-tfittxijiet kemm fil-karozza kif ukoll fuq il-persuna ta’ Mark Pisani u fuq il-persuna tal-akkużat Marco Farrugia. Illi rriżulta li minn fuq il-persuna tal-akkużat Marco Farrugia, instabet sustanza ta’ lewn kannella.
Minn eżamijiet u analiżi ulterjuri li saru mill-espert tal-Qorti rriżulta li kienet ir-raża meħuda mill-pjanta Cannabis li kellha l-piż ta’ 83.63 gramma b’purità ta’ 8% u li għandha il-valur ta’ €535.23. Apparti d-droga li nstabet fil-pussess tal-akkużat Marco Farrugia fis-26 ta’ Mejju tas-sena 2009, jirriżulta wkoll minn stqarrija ġuramentata rilaxxata minn Mark Pisani, jumejn wara quddiem il-Maġistrat Inkwirenti, li kien hemm okkażjoni preċedenti fejn Mark Pisani forna d-droga lill-akkużat.
Mark Pisani stqarr li ftit żmien qabel ma’ l-Pulizija waqfu lilu u lill-akkużat Marco Farrugia fil-vettura, persuna oħra magħrufa bħala Jason il-Balont kien għaddielu żewġ sapuniet tar-raża tal-Cannabis. Fl-istqarrija ġuramentata, Mark Pisani jistqarr li kien għadda dawn iż-żewġ sapuniet lill-akkużat
għall-prezz ta’ €800-il waħda.
Tenut kont taċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari mill-ammont innifsu ta’ droga li kienet fil-pussess tal-akkużat, jidher biċ-ċar illi tali droga ma kinitx intiża għall-użu esklussiv tal-akkużat Marco Farrugia, qed tgħid il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>

