Lokali

Il-Qorti tal-Appell tnaqqas is-sentenza f’każ ta’ vjolenza b’martell għax illiberata mir-reċidiva

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ppreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, laqgħet parzjalment l-appell ta’ Charlene Gatt ta’ 40 sena minn San Pawl il-Baħar u riformat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fl-20 ta’ Frar 2023, billi naqqset il-piena ta’ priġunerija minn erba’ snin u erba’ xhur għal tliet snin effettivi.

Id-deċiżjoni ngħatat f’każ li kien jirrigwarda att ta’ vjolenza serja mwettaq f’San Pawl il-Baħar f’Novembru tal-2018. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sejbien ta’ ħtija tal-appellanta fir-rigward tal-ewwel erba’ imputazzjonijiet, jiġifieri li kkawżat feriti gravi fuq mara oħra, li għamlitilha theddid u inġurji, li kisret il-kwiet pubbliku u li użat arma, martell, waqt l-aggressjoni.

Madankollu, il-Qorti qieset li l-Ewwel Qorti żbaljat meta sabitha ħatja tar-reċidiva u tal-ksur ta’ Ordni ta’ Probation, peress li s-sentenza preċedenti tal-2018 kienet waħda li biha Gatt tqiegħdet taħt Ordni ta’ Probation u, skont il-liġi, tali sentenza ma tistax isservi bħala bażi għall-addebitu tar-reċidiva.

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet ukoll l-argument tad-difiża li l-proċeduri tal-kumpilazzjoni kienu nulli minħabba li l-akkużi ġew ikkonfermati bil-ġurament minn uffiċjal tal-Pulizija li ma kienx l-oriġinalment responsabbli mill-każ.

Il-Qorti qalet li, ladarba l-uffiċjal prosekutur oriġinali kien telaq mill-Korp tal-Pulizija, kien leġittimu li uffiċjal ieħor jikkonferma r-rapport bil-ġurament, u li ma kien hemm ebda difett proċedurali li jwassal għan-nullità.

Filwaqt li rrikonoxxiet il-gravità tal-fatti, inkluż li l-aggressjoni seħħet quddiem tfal żgħar u mingħajr provokazzjoni, il-Qorti qieset ukoll li l-piena kellha tirrifletti l-fatt li Gatt ma setgħetx legalment tinstab ħatja tar-reċidiva u lanqas tal-ksur tal-Ordni ta’ Probation.

Għaldaqstant, filwaqt li kkonfermat il-ħtija għall-reati prinċipali u żammet fis-seħħ l-Ordni ta’ Trażżin favur il-vittma, il-Qorti naqqset is-sentenza għal tliet snin priġunerija effettiva, bi tnaqqis ta’ kull żmien li l-appellanti qattgħet taħt arrest preventiv marbut ma’ dawn il-proċeduri.

Charlene Gatt instabet ħatja li kkaġunat ġrieħi serji fl-attakk li seħħ fit-28 ta’ Novembru 2018 fi Triq iċ-Ċern, San Pawl il-Baħar. Il-vittma kienet qalet lill-Pulizija li kienet qed tipparkja l-karozza tagħha wara li ġabret lil binha u lil ħabib tiegħu mill-iskola. Gatt ħarġet minn darha u resqet lejn il-vettura, b’martell tal-laħam f’idejha.

Il-vittma rrakkontat li Gatt fetħet il-bieba ta’ wara tal-karozza u pprovat tkaxkar lit-tifel ta’ sitt snin ‘il barra. B’xi mod, il-vittma rnexxielha tagħlaq il-bieb, qabel Gatt laqtitha fuq daharha bil-martell, tatha daqqa ta’ ponn f’wiċċha, gidmitha, ġibditilha xagħarha u beżqet f’wiċċha.

Il-vittma qalet li meta staqsiet għala kienet tattakkaha, Gatt wieġbet “hekk irrid nagħmel, għax int tieħu pjaċir bl-isfortuna ta’ ħaddieħor.” Il-vittma ċaħdet li qatt tat fastidju lill-ħatja, li eżerċitat id-dritt tagħha għas-silenzju waqt l-interrogazzjoni.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.