Il-Monarkija fin-Norveġja tinsab fi kriżi eżistenzjali fost skandlu kbir ieħor li xxokkja lill-poplu u li qed jiżviluppa b’ritmu mgħaġġel ħafna…. Dan meta, fl-aħħar sigħat, beda l-ġuri ta’ iben il-Prinċipessa Mette-Marit li jrid iwieġeb għal xejn anqas minn 38 għadd ta’ akkuża, fosthom l-istupru ta’ mill-anqas erba’ nisa.
Il-ġuri, f’Oslo, ta’ Marius Borg Høiby, ta’ 29 sena, qed iseħħ ftit wara li l-Pulizija arrestatu fuq suspett ta’ aggrediment . Fil-fatt, il-Pulizja qed tallega li Høiby kien qed ‘jhedded lin-nies b’sikkina’ bi ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqu biex jirrispetta l-ordni – u bl-awtoritajiet jirreferu wkoll għat-tendenzi vjolenti tal-arrestat.
Il-Prinċipessa Mette-Marit hi l-eredi għat-tron tan-Norveġja u l-aġir ta’ binha ħalla impatt xejn favorevoli fuq ir-reputazzjoni tagħha li diġà kienet suġġetta għall-kritika sinifikanti u qawwija.
Fil-fatt, l-arrest, nhar il-Ħadd, ta’ Marius Borg Høiby, kien ir-raba’ darba li hu spiċċa miżmum mill-Pulizija minn Awwissu tal-2024 – meta hu kien akkużat bl-aggrediment ta’ mara li magħha kellu relazzjoni.
Høiby qed jiċħad għall-aktar akkużi serji miġjuba kontra tiegħu, iżda, fl-istess ħin, ammetta għal xi reati minuri.
Intant, dan żgur li mhux l-ewwel skandlu li affettwa lill-Familja Rjali tan-Norveġja.
Dan meta l-poplu Norveġiż għadu qed jirreaġġixxi għar-rivelazzjonijiet li l-Prinċipessa Mette-Marit damet tlett snin tikkorrispondi mal-biljunarju-pedofelu Amerikan Jeffrey Epstein, illum mejjet.
Ammettiet li ‘ikkalkulat ħażin’
Fil-preżent, id-dinja tinsab attenta għall-files tal-istess Epstein li qed ikunu deklassifikati u li kapaċi jħallu effett devastanti għal uħud mill-aktar personalitajiet importanti fid-dinja — fosthom Mexxejja ta’ pajjiżi u politiċi oħrajn prominenti.
Il-korrispendenza bejn il-Prinċipessa u Epstein damet mill-2011 u l-2014 u meta hi ammettiet ‘li kkalkulat ħażin’ ladarba nkixfu l-kuntatti estensivi li kellha mal-biljunarju. Hi, issa, esprimiet ‘simpatija u solidarjetà’ mal-vittmi ta’ Epstein li kien jittraffika lill-bniet u t-tfajliet adolexxenti għall-‘favuri sesswali’…Dan fost l-ammissjoni li hi, illum, qed tħossha embarazzata bil-ħbiberija mal-biljunarju li kien instab mgħallaq f’ċella ta’ ħabs f’Awwissu tal-2019.
Dan meta l-files ta’ Epstein qed juru wkoll li hi, darba, kienet qattgħet erbat ijlieli fid-dar tal-biljunarju fi Florida u meta hu ma kienx residenti fl-istess dar.
Il-Gvern Norveġiż rari ħafna li jikkummenta – fit-tajjeb jew ħażin — dwar il-Monarkija tal-pajjiż, iżda jidher li għal kollox hemm eċċezzjoni.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Jonas Gahr Støre qal li jaqbel ma’ dak li qalet il-Prinċipessa rigward ‘ġudizzju ħażin min-naħa tagħha’ – bi kliemu jitqies bħala kritika ċara għall-komportament ta’ personalità rjali.
Fl-istess ħin, qed jiżdiedu l-mistoqsijiet fin-Norveġja dwar kif l-eredi għat-tron ma rrealizzatx in-natura ‘tossika u katastrofika’ tal-kuntatti bejnha u Jeffrey Epstein. Fl-istess ħin qed ikunu wkoll ikkritikati l-konsulenti tal-Prinċipessa li ħadd minnhom ma wissiha dwar l-imġieba tagħha meta hi kienet qed tikkorrispondi mal-pedofelu Amerikan permezz ta’ email uffiċjali li jintuża biss mill-Irjali Norveġiżi.
//= $special ?>

