Il-President Iranjan Masoud Pezeshkian sostna li l-Iran għandu jsegwi t-triq tan-negozjati mal-Istati Uniti fi żmien meta l-Amerikani qegħdin jidhru lesti għal attakk militari ieħor fuq l-Istat fundamentalista. Pezeshkian mhux l-ogħla awtorità fl-Iran peress li l-aħħar kelma f’dan il-pajjiż dejjem tkun tal-Mexxej Suprem, l-Ayatollah Ali Khamenei.
Madankollu, il-President Iranjan qal li pajjiżu jinsab lest għal djalogu wara t-talbiet ta’ pajjiżi fir-reġjun – ‘ħbieb tal-Iran’ – biex Tehran jirrispondi għall-proposti tal-Istati Uniti biex isiru taħditiet kruċjali. U f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi, ingħata direttivi biex iwitti t-triq għal djalogu ‘dment li l-kundizzjonijiet ikunu xierqa u mingħajr il-possibbiltà ta’ theddid mingħand ir-Rappreżentanti ta’ Washington’.
L-indikazzjonijiet huma li t-taħditiet jistgħu jsiru nhar il-Ġimgħa f’Istanbul, fit-Turkija.
Ftit tal-jiem ilu, l-Ayatollah Khamenei kien wissa li kwalunkwe attakk fuq l-Iran għandu jwassal għal konflitt li jaffettwa lir-reġjun kollu tal-Golf.
Dan wara li l-President Amerikan, Donald Trump, kien hedded li ‘jintervjeni militarment’ minħabba l-ambizzjonjiet nukleari tal-Iran u l-mod vjolenti kif ir-reġim tal-Ayatollah kien ikkontrolla l-aħħar protesti tal-massa f’Tehran u bliet Iranjani oħrajn, fost l-imwiet u feriment ta’ eluf ta’ dimostranti.
//= $special ?>

