Ambjent Lokali

L-isforzi ta’ BirdLife Malta biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ Malta għar-restawr tan-natura


Bejn id-19 u t-22 ta’ Jannar, BirdLife Malta organizzat taħriġ ta’ erbat ijiem, dwar ir-restawr tan-natura f’Malta. It-taħriġ ġab flimkien entitajiet governattivi ewlenin u għaqdiet ambjentali bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali u tinbena kollaborazzjoni bejnietom. Fost il-parteċipanti kien hemm l-Awtorità
għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Nature Trust, il-Park Majjistral u Friends of the Earth.

Is-sessjonijiet iffukaw fuq standards internazzjonali u prattiċi tajbin għar-restawr tan-natura. Ir-restawr tan-natura hu proċess li jappoġġja l-irkupru ta’ ekosistemi li ġew degradati, saritilhom il-ħsara jew inqerdu. Din l-inizjattiva waslet fi żmien kruċjali, wara l-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar ir-Restawr tan-Natura fl-2024.

Skont din il-liġi, l-Istati Membri tal-UE jridu jissottomettu pjanijiet nazzjonali ta’ restawr sa Settembru 2026. Dawn il-pjanijiet għandhom jidentifikaw zoni ta’ prijorità u jistabbilixxu azzjonijiet, skedi ta’ żmien, finanzjament u monitoraġġ. L-għan tal-UE hu li jiġu restawrati minn tal-inqas 20 fil-mija tal-art u l-baħar sal-2030. Sal-2050, għandhom jiġu restawrati l-ekosistemi kollha li jeħtieġu intervent.

F’Malta, l-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali għar-Restawr tan-Natura qed jitmexxa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Ix-xogħol huwa kumpless, iżda joffri opportunità unika biex jiġu indirizzati ħsarat ambjentali li ilhom jeżistu.

Minkejja d-densità għolja tal-popolazzjoni, il-pressjoni mit-turiżmu, l-iżvilupp eċċessiv, in-nuqqas ta’ spazju, u l-klima xotta, is-siti naturali ta’ Malta għandhom bżonnijiet ċari ta’ restawr waqt li juru wkoll potenzjal qawwi għal proġetti ta’ restawr effettivi.

It-taħriġ indirizza lakuni fl-għarfien dwar l-ippjanar, l-implimentazzjoni, ilmonitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti tar-restawr. Dan kien immexxi minn Patrick Grillas, espert fuq l-ekoloġija tal-‘wetlands’ u li jirrappreżenta s-Society for Ecological Restoration. Din hija l-organizzazzjoni ewlenija fid-dinja li
tistabbilixxi standards internazzjonali għar-restawr ekoloġiku.

Waqt is-sessjonijiet, il-parteċipanti qasmu l-għarfien tagħhom u ddiskutew siti b’potenzjal ta’ restawr inkluż l-isfidi u opportunitajiet prattiċi rilevanti għallkuntest Malti.

Wara s-suċċess ta’ dan it-taħriġ, BirdLife Malta tittama li din il-kollaborazzjoni bejn l-istakeholders tkompli tespandi, waqt li tenfasizza wkoll l-importanza tal-involviment tal-bdiewa, sidien tal-art u sajjieda. Dan huwa fil-fatt wieħed mill-prinċipji ewlenin tar-restawr tan-natura, fejn il-parteċipazzjoni ta’ kull
stakeholder hija essenzjali għal restawr effettiv u sostenibbli fit-tul.