Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, sparat ammont rekord ta’ missili ballistiċi lejn l-infrastruttura għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fid-diversi bnadi tal-Ukrajna.
Dan meta l-Kremlin, minkejja l-aħħar wiegħdiet, qed jipprova juża l-elementi kiefra tax-xitwa bħala ‘arma oħra’ fl-istrateġija biex jiċħad lill-poplu Ukren mill-mezzi tas-sħana fost it-temperaturi li niżlu sew taħt iz-zero.
Meta tkellem dwar l-assedju, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li din it-tattika militari min-naħa tar-Russi qed tikser kull regola tal-gwerra peress li qed tkun diretta l-aktar għall-popolazzjoni ċivili.
Minbarra l-missili, kienu sparati wkoll id-drones li laqtu l-power plants fi Kiev u f’lokalitajiet oħrajn madwar l-Ukrajna… mewġa ta’ attakki kalkulati f’ħin meta t-tempatura kienet niżlet għal 20 grad taħt iz-zero – b’eluf kbar ta’ residenzi fil-kapitali jispiċċaw mingħajr dawl.
Volodymyr Zelensky qal, wara, li r-Russja qed tuża t-terrur u l-eskalazzjoni tal-konflitt minflok id-diplomazija u meta qed jidher ovvju li l-President Russu, Vladimir Putin, irid itawwal il-gwerra li se tagħlaq erba’ snin fit-22 ta’ Frar.
L-Ukrajna, issa, qed titlob biex l-Alleati tal-Punent ikomplu jżidu l-pressjoni fuq Moska… dan wara li r-Russi, minkejja l-intervent diplomatiku mill-Istati Uniti, ma rrispettawx l-impenji tagħhom biex ma jattakkawx lis-settur tal-enerġija tal-Ukrajna.
Il-President Zelensky, fil-fatt, qed jinsisti li r-Russja qarrqet b’kulħadd għaliex użat il-ftit jiem ta’ kalma biex iżżid il-produzzjoni tal-missili fost it-tħejjijiet għal assedju kbir ieħor fuq Kiev u bliet oħrajn tal-Ukrajna.
//= $special ?>

