Il-Qorti Kriminali, ppreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ċaħdet l-eċċezzjonijiet preliminari kollha mqajma minn Ramon Fenech ta’ 42 sena residenti l-Gżira – f’kawża li tmur lura għal Awwissu u Diċembru tal-2005 u li fiha l-akkużat jinsab mixli b’reati relatati mat-traffikar u l-pussess tad-droga ecstasy.
Id-deċiżjoni ngħatat, wara analiżi estensiva tal-argumenti legali mressqa mid-difiża u mill-Avukat Ġenerali bil-Qorti tordna li l-proċess biex il-każ jispiċċa quddiem ġurija jibqa’ għaddej. Il-każ joriġina minn żewġ episodji distinti. Fl-ewwel wieħed, f’Awwissu 2005, l-akkużat ġie arrestat waqt roadblock tal-armata f’Ħ’Attard wara li allegatament tefa’ pillola ecstasy minn vettura li kien passiġġier fiha.
Fit-tieni episodju, f’Diċembru tal-istess sena, il-pulizija żvelaw allegata assoċjazzjoni fit-traffikar tad-droga li kienet tinvolvi lil Simon Linton Sancto, li nstab fil-pussess ta’ kważi 2,000 pillola ecstasy u li, fi stqarrija ġuramentata, kien indika lil persuna jisimha Ramon bħala s-sors tad-droga, identifikata bħala Ramon Fenech.
Id-difiża sostniet li t-tieni kap ta’ akkuża, dwar il-pussess ta’ pillola ecstasy għall-użu personali, illum ma għadux jikkostitwixxi reat kriminali iżda biss infrazzjoni li għandha tiġi ttrattata quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja, kif ukoll li l-azzjoni kriminali kienet preskritta minħabba t-trapass taż-żmien.
Il-Qorti però ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni u spjegat li, minkejja r-riformi fil-liġi dwar id-droga, il-pussess ta’ ammont żgħir ta’ ecstasy jibqa’ reat kriminali, anke jekk il-pieni applikabbli ma jistgħux ikunu ogħla minn dawk previsti għall-proċeduri quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja. Il-Qorti fakkret ukoll li l-qrati kriminali għandhom ġurisdizzjoni konkorrenti f’dawn il-każijiet.
Fir-rigward tal-preskrizzjoni, il-Qorti stabbiliet li l-perjodu preskrittiv applikabbli huwa ta’ ħmistax-il sena, u li dan ġie sospiż mill-mument tan-notifika tal-imputazzjonijiet lill-akkużat fl-2010. Għaldaqstant, ma setax jingħad li l-azzjoni kriminali kienet preskritta, u kull argument f’dan is-sens ġie miċħud.
B’konsegwenza ta’ dan kollu, il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha sollevati minn Ramon Fenech u ordnat li l-kawża tibqa’ differita sakemm jiġi deċiż jekk isirx appell u, f’każ li ma jsirx, sakemm il-każ jinstema’ quddiem ġurija. Sadanittant, l-akkużat baqa’ jgawdi mill-istess kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja li kellu qabel.
//= $special ?>

