Lokali Qorti

Mixli li aggredixxa lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 45 sena mill-Belt, li jaħdem bħala xufier ta’ cab, tressaq il-Qorti akkużat li aggredixxa lill-eks sieħba tiegħu u li kkawża biża’ serja lilha u lil binhom ta’ 11-il sena, li setgħet tintuża vjolenza kontrihom. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Ir-raġel jinsab mixli li kkawża biża’ lill-eks sieħba tiegħu u lill-minuri li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħhom, li aggredixxa lill-mara, li heddidha u insultaha, kif ukoll li abbuża minn apparat elettroniku. Huwa jinsab ukoll akkużat li wettaq dawn ir-reati matul il-perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi sospiżi.

Il-każ għandu l-għeruq tiegħu f’inċident li allegatament seħħ fil-31 ta’ Jannar li għadda. Il-mara rrapurtat lill-Pulizija li, aktar kmieni dakinhar, hija u l-eks sieħeb tagħha kienu jinsabu f’grawnd tal-futbol isegwu lil binhom jilgħab, meta nqalgħet argumentazzjoni verbali bejniethom quddiem it-tifel.

Wara dan, hija ħadet lit-tifel lura d-dar, iżda sabet lill-akkużat barra r-residenza tagħha, fejn allegatament heddidha. Il-Qorti semgħet ukoll li l-mara għandha sieħeb ġdid u li l-akkużat ma jaċċettax li binhom ikun f’kuntatt miegħu.

Meta l-Pulizija tkellmu mat-tifel, dan iddeskriva inċident ieħor li fih missieru allegatament għamel ċertu allegazzjonijiet fil-konfront ta’ ommu, fatt li kompla jsaħħaħ il-gravità tal-każ.

Id-difiża, immexxija mill-Avukat Franco Debono, talbet il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li missier l-akkużat xehed li ibnu għandu impjieg stabbli u li kien lest jilqgħu jgħix miegħu fil-Belt Valletta jekk jingħata l-libertà proviżorja.

Madankollu, l-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit oġġezzjona għat-talba, billi sostna li kemm il-mara kif ukoll il-minuri għad iridu jixhdu quddiem il-Qorti, u li hemm ukoll xhieda oħra li għad iridu jixhdu dwar l-inċidenti li seħħew kemm fil-grawnd tal-futbol kif ukoll barra r-residenza tal-mara.

Il-prosekuzzjoni esprimiet tħassib dwar ir-riskju ta’ ndħil fil-provi.

Il-Qorti laqgħet l-oġġezzjonijiet tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm taħt arrest. Fl-istess ħin, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia. L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.