Lokali Qorti

Multa ta’ €2,500 u tliet xhur bla liċenzja għal sewwieq li tajjar mara waqt li kien qed jirriversja

Raġel ġie kkundannat multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li, madwar sentejn ilu, tajjar mara waqt li kien qed jirriversja l-karozza fl-Imsida, u kkawżalha ġrieħi gravi. Francis Spiteri kien mixli li fis-6 ta’ Marzu 2024 saq b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni, ikkaġuna ġrieħi gravi lill-mara u uża l-vettura b’mod perikoluż u traskurat.

Il-mara xehdet fil-Qorti li kienet għadha kemm ħarġet mill-ispiżerija tagħha u bdiet miexja lejn il-karozza tagħha meta rat vettura ġejja direttament fuqha. Qalet li darbtejn tat daqqa b’idha mal-vettura biex is-sewwieq jinduna bil-preżenza tagħha u jieqaf. Skont ix-xhieda tagħha, is-sewwieq waqaf għal mument, iżda bid-daqqa hi tilfet il-bilanċ, waqgħet u spiċċat taħt il-vettura.

Hija spjegat kif is-sewwieq, li għarfitu bħala l-akkużat, niżel mill-karozza u qalilha li ma rahiex. Aktar tard, fl-isptar irriżulta li kienet sofriet ksur, tant li kellha tqatta’ xahrejn id-dar u tieħu fiżjoterapija fid-dar stess għax ma setgħetx toħroġ.

Fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu, il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici qal li l-inċident seħħ f’zona b’diversi ħwienet, li hija frekwentata mill-pubbliku, u għalhekk dan ipoġġi obbligu u responsabbiltà akbar fuq is-sewwieqa biex isuqu b’aktar kawtela.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużat kellu, qabel jirriversja, ikun ċert li ma kienx hemm persuni warajh u li l-manovra ma kinitx se toħloq periklu. Ġie osservat li t-triq fejn seħħ l-inċident la hija twila u l-anqas wiesgħa, u għalhekk Spiteri seta’ faċilment jinduna b’min kien warajh.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabitu ħati u, minbarra l-multa ta’ €2,500, skwalifikatlu l-liċenzji kollha tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet xhur u naqqsitlu ħames punti mil-liċenzja.