Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, sabet lil Shaun Seisun ta’ 36 sena, ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih dwar trattament ħażin u nuqqas ta’ kura xierqa lejn tliet klieb li kienu jinsabu fir-residenza tiegħu fil-Pietà.
Il-każ kien oriġina minn rapport li wasal għand id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f’Awwissu tal-2019, li fih ġie allegat li klieb kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet deplorevoli f’appartament fi Triq Pietru Xuereb.
Meta uffiċjali tal-Animal Welfare marru fuq il-post fit-8 ta’ Settembru 2019, huma sabu ambjent mimli ħmieġ u pipì tal-klieb, inkluż fuq l-art, it-twapet u s-sodod, b’riħa qawwija u kundizzjonijiet li kienu evidenti li ilhom żmien twil hekk.
Mill-ispezzjoni rriżulta li fl-appartament kien hemm tliet klieb, fosthom Chihuahua mingħajr microchip u żewġ klieb oħra ċċippjati f’isem omm l-imputat. Minkejja dan, il-Qorti qieset li l-fatt li l-annimali kienu reġistrati fuq persuna oħra ma jeżonerax lil Seisun mir-responsabbiltà, peress li kien hu li jgħix fil-post u li kien qed jieħu ħsieb l-annimali dakinhar tal-ispezzjoni.
L-uffiċjali nnutaw il-klieb, tnejn minnhom kienu ġewwa, li huwa Siberian Husky, kien bil-micro chip u ġewwa kien hemm Chihuahua ta’ kulur beige u ma kellux micro chip. Ftit ‘il fuq kien hemm taraġ u kien
kelb ieħor tar-razza mħallta li kien jappartjeni ukoll lis-sid. Dan kellu micro chip ukoll.
Fl-istess appartament kien hemm ħmieġ kbir. Dawn il-klieb ittieħdu mill-istess uffiċċjali ta’ l-animal welfare Aaron Gatt u Marisa Portelli għaliex kienu fi stat ħażin. Ix-xhieda tal-uffiċjali tal-Animal Welfare u r-ritratti eżebiti fil-proċess urew biċ-ċar li l-klieb kienu qed jgħixu f’ambjent li ma kien bl-ebda mod xieraq, f’kundizzjonijiet li jikkawżaw tbatija u dwejjaq, anke jekk il-‘body score’ tagħhom ma ġiex ikkonfermat bħala wieħed baxx minn veterinarju.
Il-Qorti saħqet li n-nuqqas ta’ ndafa u l-ambjent infestat bi ħmieġ kienu biżżejjed biex jikkostitwixxu ksur serju tal-obbligi imposti mil-liġi dwar il-benesseri tal-annimali. Il-Qorti ċaħdet l-argumenti tad-difiża li ppruvat tiddistakka lill-imputat mill-annimali u mill-fond, u saħqet li l-Artikolu 8 tal-Kapitolu 439 japplika għal kull persuna li tkun qed iżżomm jew tieħu ħsieb annimal, irrispettivament minn min ikun is-sid reġistrat.
Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li Shaun Seisun kien responsabbli għall-kundizzjonijiet li fihom instabu l-klieb u li naqas milli jipprovdi ambjent nadif, sigur u xieraq kif titlob il-liġi. Fir-rigward tal-piena, il-Qorti qalet li mġiba bħal din ma tistax tiġi tollerata u li kull min jiddeċiedi li jżomm annimal għandu jkun konxju tal-obbligi legali u morali tiegħu.
Filwaqt li ma qisitx meħtieġa piena karċerarja, peress li l-imputat ma jippreżentax periklu serju għas-soċjetà, il-Qorti enfasizzat li l-piena għandha tirrifletti l-gravità tal-fatti u t-tbatija li sofrew l-annimali. Għalhekk, Shaun Seisun ġie kkundannat multa ta’ €3,000 u, skont il-liġi, ġie projbit milli jżomm annimali, japplika għal liċenzja ta’ kelb jew annimal ieħor, jew jgħix f’post fejn jinżammu annimali, projbizzjoni li tapplika għal għomru. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri.
//= $special ?>

