Opinjoni

Opinjoni: Elf mitejn u tnax-il sena ilu

Karlu Manju

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Fil-proċess tal-istorja umana, dik li tħares lejn dak li seħħ u kif hekk fl-eventi partikolari tagħha hemm bnedmin li jżommu l-pożizzjoni tagħhom. Dawk li tiltaqa’ magħhom meta tkun għadek l-iskola primarja jew sekondarja u jibqgħu miegħek. Tiftakar fihom u fl-istess ħin jiġbdulek interess.
Dawn f’kuntrast mal-ismijiet ta’ mexxejja jew ħassieba varji li jew tisma’ bihom u taqra imma tinsihom inkella dawk li tiskopri aktar ’il quddiem. Ninsab f’dan grat għall-formazzjoni edukattiva li ħadt għalkemm nammetti li tulha kelli għatx għal aktar. Ċertu drabi flok ħassejtni qiegħed nimraħ aktar sibtni wieqaf ma’ dak li ma tantx kien jinteressani. Imma xorta f’dan sibtni minn dak li l-għalliema, il-kotba u l-ġurnali varji għaddewli miexi ’l quddiem.

Wieħed partikolari
Niftakarni f’dan naqra u nerġa’ naqra artiklu twil dwar ħajjet Charlemagne (748-814WK), Karlu Manju. Ħajtu, għemilu, kif kien jaħdem, jaqra u jqatta’ l-ġurnata.
Kienu kitbu li kien qasam il-ġurnata fi tlieta. Tmien sigħat qari, tmienja eżerċizzju, u l-oħrajn irqad. Persuna dixxiplina u li ġab lura l-ordni u l-għaqda lura ta’ diversi partijiet mill-Ewropa. Dak li kien il-Mexxej tal-Franki u li fil-Milied tas-sena tmien mija ġie nkurunat Imperatur.
Niftakarni nara l-varji kitbiet dwaru u l-ħsieb li telaq iben mexxej u gwerrier u assigura li jitgħallem jikteb u jaqra. Il-firma tiegħu tant partikolari kont pruvajt ukoll nimitha fil-pożizzjoni distinta tagħha. Karattru interessanti u saħħarni għal ħafna u segwejtu kemm stajt.

Kotba varji
Kont wara xtrajt il-ktieb tal-istoriku kontemporanju Einhard (775-840WK), The Life of Charlemagne. Qrajtu, huwa mimli b’informazzjoni u ammirazzjoni. Ħajtu ġiet ukoll f’hekk marbuta u mmexxija għal idejna ma’ dik ta’ dan l-Imperatur tant kbir. Anzi nħoss li mertu ta’ dil-kitba l-attenzjoni baqgħet ħajja u attwali.
Baqgħet rilevanti u ebda storiku sussegwenti ma seta’ b’xi mod jinjora. Fil-fatt nammetti li sibtni b’numru ta’ kitbiet li kull darba hemm referenza u riferenza għalih. Ħadd ma jinjorah għalkemm mhux kulħadd jagħtih l-istess piż jew importanza. Proċess li ma jdejjaqniex għax fil-fatt mhux biss issiġġillah f’dak li kien imma wkoll serva biex oħrajn wara jivverifikaw dawk il-fatti li ġew miktuba minn Einhard Peter Munz (1921-2006) jikteb proprju hekk:
“The history of the history of Charles began with Einhard’s Life. There is much solid history in Einhard and it is inconcievable that any historian of Charles’s reign could ever think of dispensing with his work.” L-istorja ta’ Karlu Manju tibda mill-ħajja ta’ Einhard. Hemm ħafna fatti veri f’Einhard u huwa inkonċepibbli li xi storiku ta’ Karlu Manju jista’ b’xi mod iwarrab fil-ġenb).

L-Imperu
Kont f’dan fortunat li ġew f’idejja l-ewwel il-ktieb tal-istoriku Belġjan Henri Pirenne (1862-1935), bl-isem Mahomet et Charlemagne (bl-Ingliż, Mohammed and Charlemagne). Kitba mill-aktar sabiħa li l-moħħ ta’ dan il-bniedem straordinarju f’ħidmietu. Waħda li l-awtur lesta mingħajr ma laħaq ippubblika. Ktieb li ibnu Jacques Pirenne (1891-1972) ħa ħsieb u li kien u għadu suċċess.
Ftit wara f’dan fir-riċerka li nħobb nagħmel fil-librerija tal-Università li fiha diversi kotba għad-dispożizzjoni. Ħafna li ċerti drabi niskanta kif ma jiġux mislufa u moqrija u jibqgħu jiġbru t-trab jistennew. Hemm preżenti fruntieri kbar ta’ ideat li nibqa’ dejjem iktar ferħan meta jiġu f’idi u nħossni parti minn dak il-proċess akkademiku u kulturali li m’għandniex nabbandunaw.

Oħra
Fuq dan isselift l-ewwel il-ktieb tal-istoriku Taljan Gabriele Pepe (1899-1971), Un problema storico: Carlo Magno (1952). Wieħed mimli b’riflessjonijiet u li mexxieni biex mhux biss f’dan imma li mmiss mal-ktieb l-ieħor tiegħu, Lo stato ghibellino di Federico II (1951) li nittama li ma ndumx ma naqra.
Imma aktar f’dan ġie f’idejja mill-istess xkafef il-ktieb tal-istoriku Awtrijak Heinrich Fichtenau (1912-2000), The Carolingian Empire (1957). Dak li ntlift naqra fit-tul u fil-paġni mill-isbaħ li fih. Għax għalkemm hemm ħajjet l-Imperatur u kif għex bil-passi li nafu bihom hemm aktar. Hemm studju aktar profond u spjegazzjoni tal-kuntest storiku li fih kien qiegħed jaġixxi.

Ibda
Hemm żewġ punti li jmexxuna f’dan. L-ewwel iċ-ċentralità ta’ dal-bniedem f’dak il-perjodu.
Il-kapitlu Charles the Great jibda propju hekk: “No man’s stature is increased by the accumulation of myths, and nothing is detracted from genuine historical greatness by the consideration of a man’s purely human side. In order to analyse an epoch it is necessary to analyse the man who was at the centre, who determined its character and who was, at the same time, shaped and determined by it. It is therefore not mere curiosity but an endeavour to fulfil the historian’s task if we strive to pierce and get behind the myth that has surrounded the figure of Charles.”
Ebda statura ta’ bniedem ma tiżdied b’kumlu ta’ miti, u xejn ma jitnaqqaslu mill-kobor storiku veru billi wieħed iħares biss lejn l-aspett uman biss. Sabiex tiġi analizzata epoka hija neċessarja li tifhem il-bniedem li kien fiċ-ċentru, li fassal il-karattru u li kien, fl-istess ħin, imsawwar u determinat minnha.
Għalhekk mhix biss kurżità imma missjoni li twettaq ħidmet l-istoriku jekk nippruvaw nifhmu x’hemm wara l-miti li kienu akkumpanjaw lil Karlu.

It-tieni
Fit-tieni punt hemm f’dan l-ispjegazzjoni ta’ dak li wassal biex il-Papa Ljun III (minn Diċembru 795 sal-mewt f’Ġunju 816) biex jinkurunah Imperatur. Il-pożizzjoni tiżviluppa fl-isfond tal-preżenza tal-Imperu Biżantin f’Konstantinopli.
F’lejn min il-Knisja Kattolika u l-Papa seta’ jdur għall-protezzjoni. Il-Franki fil-poter Karolingu kienu f’dan dawk li għażlu li jkunu kattolici. Dawk li għażlu li jiddefendu l-fidi.
L-awtur fil-fatt jindika li Karlu Manju kien influwenzat b’kitbet Santu Wistin fil-ktieb De Civitate Dei, f’dak li mexxej nisrani bħalu kellu dmir iwettaq fid-dawl tal-wirt li l-kultura Kristjan tagħti. Ikompli jfakkarna li l-bini li l-aħħar Imperatur tal-Lvant fl-Italja Ġustinjanu l-Kbir ħalla f’Ravenna influwenzah f’dak li bena għalih f’Aix-la-Chapelle.
It-tielet fl-għarfien li billi kif jikteb. “Ever since the year 754, when the papacy had made them ‘protectors of the Roman Church’, the Carolingians has considered themselves, among kings, specially chosen by God.”
Mis-sena 74, meta l-Papa ħatarhom ‘protetturi tal-Knisja Rumana’, il-Karolingi kkunsidraw rwieħhom, fost r-rejiet, maħtura u magħżula mill-Ħallieq tagħna.

Meta kont iżgħar
Filwaqt li qabel l-inkurunazzjoni ta’ Karlu Manju fil-Milied tas-sena 800 kienet għalija tidher aktar parti minn ambizzjoni personali tiegħu, illum nifhem sfond ieħor. Dak li seħħ juri aktar li l-Papa Ljun III riedu jinħatar Imperatur biex ukoll jinqata’ mill-orjent u fl-istes ħin assigura li ċ-ċerimonja tkun preċiż bħalma kienet dik tal-Imperaturi Rumani nsara passati.
Ried ikun ċert li ma jiġix kritikat minn dak iċ-ċentru ieħor nisrani biex ikun ċar li sar u ġie stabbilit wara tant sekli fil-punent, Imperium Christianum. L-awtur jiddikjara hekk, “Thus Charles was declared emperor of Christendom. From now on he considered himself a true emperor, no longer inferior to any of the earlier emperors of the east.”
Għalhekk Karlu ġie dikjarat Imperatur tal-Kristjaneżmu. Minn dak il-mument ikkunsidra ruħu imperatur veru, mhux aktar inqas, jew inferjuri għal imperaturi preċedenti tal-lvant.

Dak li seħħ
Fir-realtà meta wieħed iħares lura u jikkunsidra dak li ġara jifhem kemm aħna influwenzati b’dan kollu llum. Dik l-inkurunazzjoni biddlet l-istorja tal-bniedem fl-Ewropa u tagħna magħhom. Stabbiliet rabtiet u assigurat l-eżistenza tal-Knisja Kattolika.
Karlu Manju kellu l-ambizzjonijiet tiegħu u kien gwerrier formidabbli imma f’dan serva sew. Ġab paċi u stabbiltà f’soċjetà li għal numru ta’ sekli kellha problemi kbar. Bnedmin bħal dawn kienu u jibqgħu importanti anki wara elf mitejn u tnax-il sena mit-28 ta’ Jannar 814.
Aktar u aktar meta fir-riċerka storika li saret u għadha ssir, il-pożizzjoni tiegħu tafferma aktar ruħha fil-fatti ’l bogħod mill-miti u l-leġġendi li naturalment jikbru.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 3 ta’ Frar, 2026.