Opinjoni

Opinjoni: IS-SIGURTÀ SOĊJALI – Bejn id-dinjità u r-realtà

Meta nitkellmu fuq is-sigurtà soċjali, nitkellmu fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Nitkellmu fuq l-anzjani li bnew dan il-pajjiż u li llum qed jistennew li jgħixu b’dinjità

Graham Bencini
Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali
u l-Fondi Ewropej

Nitkellmu fuq familji li qed jippruvaw ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, fuq il-ħaddiema li jridu ċertezza għall-futur tagħhom, u fuq ġenerazzjonijiet li jistennew li s-sistema tkun ġusta, sostenibbli u serja.
Bħala Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali, nemmen li fuq suġġetti daqshekk sensittivi rridu nitkellmu b’responsabbiltà. Fejn isiru passi pożittivi, irridu nirrikonoxxuhom. Fejn hemm nuqqasijiet, irridu nsemmuhom b’mod kostruttiv. Għax il-politika soċjali mhijiex dwar slogan jew ċifra waħda, iżda dwar kif pajjiż jagħżel li jieħu ħsieb lin-nies tiegħu fit-tul.
Fl-aħħar xhur, id-diskussjoni pubblika ffokat ħafna fuq żidiet u miżuri speċifiċi. Iżda ċ-ċifri waħedhom qatt ma jagħtu stampa sħiħa. Il-mistoqsija fundamentali tibqa’: “is-sistema tas-sigurtà soċjali tagħna qed tagħti sigurtà vera, jew qed nibqgħu nistrieħu fuq mekkaniżmi li sempliċement jipprevjenu li n-nies jaqgħu lura, mingħajr ma jtejbu b’mod sostanzjali l-kwalità tal-ħajja tagħhom?”

Il-pensjonijiet
Dan jidher b’mod ċar fil-mod kif nitkellmu dwar il-pensjonijiet. Il-pensjonant ma jgħixx minn dikjarazzjonijiet politiċi. Jgħix minn dak li jibqa’ wara li jħallas il-kontijiet, jixtri l-ikel, il-mediċini u, f’ħafna każijiet, iħallas kera dejjem ogħla. Għalhekk, meta nitkellmu fuq il-pensjonijiet, irridu nkunu preċiżi u onesti dwar x’inhu titjib reali u x’inhu sempliċement protezzjoni minima.
Hawnhekk jidħol il-mekkaniżmu tal-COLA (il-Cost of Living Adjustment). Il-COLA mhijiex rigal u lanqas miżura ta’ ġenerożità. Hija mekkaniżmu awtomatiku maħsub biex il-pensjonijiet u l-pagi ma jitilfux il-valur tagħhom quddiem l-inflazzjoni. Fi kliem sempliċi, il-COLA tipprova żżomm lill-pensjonant fejn kien, mhux ittejjiblu l-pożizzjoni tiegħu.
Meta npoġġu ċ-ċifri fil-kuntest korrett, l-istampa ssir ħafna aktar ċara. Iż-żieda totali fil-pensjoni li qed tiġi ddikjarata hija ta’ €10 fil-ġimgħa. Minn din, €4.66 fil-ġimgħa huma COLA (l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja). Il-parti li tibqa’, jiġifieri €5.34 fil-ġimgħa, hi ż-żieda “reali” fuq il-pensjoni.
Dan ifisser li, lil hinn mill-COLA, il-pensjonant qed jirċievi żieda reali ta’ €5.34 fil-ġimgħa, inqas minn €0.80 kuljum. Din id-distinzjoni hija kruċjali, għax il-COLA ma ttejjibx il-livell ta’ għajxien iżda tipprova biss tipprevjeni li l-pensjoni titlef il-valur tagħha. Meta kważi nofs iż-żieda tkun aġġustament għall-għoli tal-ħajja, irridu nkunu onesti u ngħidu li l-parti li verament ittejjeb il-pożizzjoni tal-pensjonant hija limitata.

Żidiet mhux realistiċi għall-għoli tal-ħajja
U hawn tidħol il-mistoqsija li tinteressa lil kull pensjonant: “kemm tista’ tgħin żieda ta’ €5.34 fil-ġimgħa f’realtà fejn il-prezzijiet tal-ikel, il-kontijiet u l-kera żdiedu b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin?” Żieda aħjar minn xejn? Bla dubju. Iżda jekk irridu nitkellmu bis-serjetà dwar id-dinjità fl-irtirar, irridu nirrikonoxxu li dawn huma miżuri ta’ manutenzjoni, mhux ta’ riforma. Huma miżuri li jtaffu ftit il-pressjoni, iżda ma jsolvux il-problema strutturali li ħafna pensjonanti qed jiffaċċjaw kuljum.
Il-pensjoni tal-istat tibqa’ l-pedament tas-sistema tal-pensjonijiet f’Malta. Din hi magħrufa bħala Pillar 1, sistema ta’ solidarjetà soċjali fejn dawk li jaħdmu jikkontribwixxu għall-pensjonijiet ta’ dawk li rtiraw. Din is-sistema serviet lill-pajjiż għal ħafna snin, iżda ġiet iddisinjata għal realtà demografika differenti minn dik tal-lum.
Illum, il-popolazzjoni qed tixjieħ, l-istennija tal-ħajja qed tiżdied, u r-relazzjoni bejn min jaħdem u min jirċievi pensjoni qed tinbidel. Dan qed joħloq pressjoni dejjem akbar fuq Pillar 1. Jekk nibqgħu nistrieħu biss fuq il-pensjoni tal-istat, hemm riskju reali li l-livell ta’ għajxien fl-irtirar ma jibqax adegwat, u li l-ġenerazzjonijiet futuri jispiċċaw iħallsu aktar għal sistema li tagħti inqas.
Għalhekk, jekk irridu nsaħħu s-sistema tal-pensjonijiet, irridu noħorġu mill-idea li l-pensjoni tal-istat waħedha tista’ tagħmel kollox. Hawn jidħlu Pillar 2 u Pillar 3.
Pillar 2 jirreferi għall-pensjonijiet okkupazzjonali, sistemi fejn, matul il-ħajja tax-xogħol, il-ħaddiem u min iħaddem jikkontribwixxu għal pensjoni addizzjonali. Dan ifisser li l-irtirar ma jibqax jiddependi biss fuq l-istat, iżda jinbena wkoll fuq il-kontribut tax-xogħol tul il-ħajja. Pajjiżi li għandhom Pillar 2 b’saħħtu għandhom pensjonijiet ogħla, aktar stabbli u aktar sostenibbli fit-tul, filwaqt li jnaqqsu l-piż fuq is-sistema pubblika.
Pillar 3, min-naħa tiegħu, jirreferi għat-tfaddil privat għall-irtirar, imsaħħaħ b’inċentivi u qafas regolatorju ċar. Dan jista’ jkompli jsaħħaħ is-sigurtà finanzjarja fl-irtirar, iżda għandu jkun parti minn sistema ġusta u inklussiva, mhux privileġġ limitat għal min jista’ jiflaħ biss.

Diskussjonijiet fid-direzzjoni t-tajba
Diskussjonijiet dwar dawn iż-żewġ pilastri saru u huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Iżda s-sigurtà soċjali ma titkejjelx bil-konsultazzjonijiet biss, iżda bl-implimentazzjoni, bil-konsistenza u bil-fiduċja li s-sistema tagħti lin-nies. Mingħajr direzzjoni ċara u rieda politika soda, Pillar 2 u Pillar 3 jibqgħu idea tajba fuq il-karta, mhux soluzzjoni reali għall-futur.
Filwaqt li l-appoġġ u s-servizzi relatati mad-diżabbiltà ma jaqgħux formalment taħt is-sigurtà soċjali, dawn ma jistgħux jiġu separati mid-diskussjoni usa’ dwar id-dinjità u l-ġustizzja soċjali. Kull min għandu familjari b’diżabbiltà jaf li l-isfida mhijiex biss finanzjarja, iżda wkoll emozzjonali u psikoloġika. Kull ġurnata ġġib magħha pressjonijiet ġodda, u għalhekk huwa essenzjali li nifhmu r-realtà li qed jgħixu dawn il-familji.
Skemi bħall-Iskema ta’ Appoġġ għall-Assistenza lill-Familja, fuq il-karta, huma mfassla biex ipoġġu lill-familji fiċ-ċentru, biex jgħinuhom jimpjegaw assistent personali, jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-komunità, u jkunu allinjati ma’ prinċipji internazzjonali dwar id-drittijiet tad-diżabbiltà. Iżda r-realtà li qed jirrakkuntaw ħafna familji hija waħda ferm differenti. Minflok appoġġ prattiku, qed isibu ruħhom imġiegħla joperaw bħal “employers”, b’piżijiet amministrattivi u legali li normalment jinġarru minn negozji u mhux minn familji li diġà qed iġorru responsabbiltajiet kbar ta’ kura.
Fil-prattika, dan ifisser li l-familji qed jinżammu responsabbli għal obbligi bħal PE number, il-preparazzjoni ta’ FS5 u FS3, il-ħruġ ta’ payslips, formoli ta’ impjieg u ta’ tmiem ta’ impjieg, il-kalkolu u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-FSS, u proċessi tekniċi oħra li ħafna drabi lanqas sid ta’ negozju żgħir ma jaffronta mingħajr l-għajnuna ta’ accountant. Dan mhux appoġġ. Huwa trasferiment ta’ piż amministrattiv fuq familji vulnerabbli.

Rata inferjuri
Ma’ dan jiżdied id-distakk evidenti bejn dak li tipprovdi s-sistema u r-realtà tas-suq tal-carers. Filwaqt li r-rata offruta mill-Gvern tibqa’ inferjuri għal dik li tipprevali fis-suq, ħafna familji qed isibu diffikultà reali biex isibu carers disponibbli taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sistema pubblika. Dan id-distakk joħloq sitwazzjoni fejn il-politika pubblika ma tirriflettix il-ħajja ta’ kuljum. Jew il-familji jkollhom iħallsu d-differenza huma stess, jew jinqdew b’livell ta’ assistenza li ma jlaħħaqx mal-bżonnijiet reali tal-persuna b’diżabbiltà, b’konsegwenzi diretti fuq il-benesseri tal-familja u fuq il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol.
Għalhekk hemm bżonn ta’ bidla ċara fl-approċċ. Sistema li tassew tappoġġja lill-familji għandha tnaqqas il-piż minflok tiddeligah. Dan jista’ jsir permezz ta’ payroll simplifikat immaniġġjat mill-Gvern u mhux mill-familji, tnaqqis tal-burokrazija b’formola waħda sempliċi għall-impjieg ta’ carers part-time, provvista ta’ servizz ta’ support reali u kontinwu, mhux biss fuljetti jew linji tat-telefon, u ħidma strutturata mal-entitajiet tas-settur tal-carers biex jinħoloq standard tas-suq li jkun realistiku, ġust u sostenibbli.

Il-persuni diżabbli
Sistema ġusta għandha tnaqqas il-piż minn fuq dawn il-familji, mhux iżżidu. Kif pajjiż jagħżel li jappoġġja lill-persuni b’diżabbilità u lil dawk li jieħdu ħsiebhom huwa kejl ċar ta’ kemm tassew inpoġġu d-dinjità umana fiċ-ċentru tal-politika pubblika tagħna.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-sigurtà soċjali mhijiex lista ta’ benefiċċji jew tabella ta’ aġġustamenti. Hija dwar jekk in-nies iħossuhomx siguri fil-preżent u fil-futur tagħhom. Hija dwar jekk l-anzjani tagħna jistgħux jgħixu b’dinjità, jekk il-familji għandhomx ċertezza, u jekk il-ġenerazzjonijiet li ġejjin jistgħux jistennew sistema sostenibbli.
Il-familji tagħna ma jridux slogans. Iridu sistema li taħdem magħhom, mhux kontra tagħhom. Sistema li toffri titjib reali, strutturat u fit-tul. Malta tista’ tibni sistema soċjali moderna u ġusta, iżda dan jitlob viżjoni, serjetà u rieda li nqiegħdu lill-bniedem u d-dinjità tiegħu fiċ-ċentru tal-politika pubblika tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Frar, 2026.