Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal mara fuq daqqa ta’ flixkun lil ġara tagħha

Mara ta’ 32 sena ngħatat sentenza sospiża wara li nstabet ħatja li tat daqqa ta’ flixkun tal-ħġieġ lill-ġara tagħha f’rasha wara argument ħdejn l-iskola, f’każ li seħħ fl-għodwa tal-11 ta’ Ottubru 2019, għall-ħabta tat-8:am, ġewwa Triq Vincenzo Maculana, il-Fgura.

Il-Qorti semgħet kif Cherise Debono bdiet tagħti lill-vittma wara li din kienet marret tħabbat il-bieb tagħha. Debono qalet li użat il-flixkun biex tiddefendi ruħha, għalkemm il-Qorti qalet li kienet tista’ tevita l-konfront billi ma tiftaħx il-bieb. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia osservat li l-aġir ta’ Debono kien “ferm perikoluż u irresponsabbli” u ma ġiex milqugħ l-argument ta’ awtodifiża.

Debono ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u nħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex ma tersaqx lejn il-vittma. Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ fl-għodwa tal-11 ta’ Ottubru 2019, meta qamet tilwima ħdejn skola wara li Cherise Debono akkużat lill-vittma li kienet se ttajjarha bil-karozza. Ġie spjegat li ż-żewġ nisa kienu ilhom f’kunflitt qabel dan l-inċident.

Skont ix-xhieda tal-vittma, wara li daħħlet lil binha l-iskola, marret tħabbat il-bieb ta’ Debono biex tkellimha. F’dak il-mument, Debono niżlet mill-appartament tagħha bi flixkun tal-Heineken f’idha u bdiet tagħtiha bih.

Min-naħa tagħha, Debono qalet li użat il-flixkun biex tiddefendi ruħha, hekk kif il-ġara allegatament bdiet tolqotha b’mazz ċwievet li kellha f’idha. Il-Qorti, osservat li ż-żewġ xhieda indipendenti, li huma ġirien tan-nisa, dehru skomdi waqt ix-xhieda tagħhom u ma setgħux jitfgħu ħafna dawl fuq kif seħħet eżattament il-ġlieda, ħlief li wieħed minnhom qal li kien ħadilhom il-flixkun biex jevita li xi ħadd iweġġa’ aktar.

Il-Qorti qieset ukoll li ż-żewġ nisa sofrew ġrieħi, bil-qorti tinnota li l-akkużata kellha grif li x’aktarx kien ikkawżat miċ-ċwievet, filwaqt li l-vittma kellha nefħa u gundalli kompatibbli ma’ daqqa b’oġġett iebes. Debono, li għandha kondotta kriminali nadifa, ġiet ikkundannata sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, u nħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex ma tersaqx lejn il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher.