Lokali

U-TURN OĦRA: Wara li Abela qal ma jeskludix li nissieħbu u qala’ kritika qawwija, issa bidel fehmtu fuq il-Bord għall-Paċi

L-aħħar dikjarazzjoni tal-Prim Ministru dwar is-sħubija ta’ Malta fil-Bord għall-Paċi tal-President Amerikan Donald Trump hija U-turn oħra min-naħa ta’ Robert Abela.

Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Fil-Parlament ftit tal-jiem ilu, Abela qalilna li “mhu qed jeskludi xejn, u mhux qed jeskludi li nissieħbu”.

Imma wara l-qasma interna kbira li ġabet magħha fil-Labour din id-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela, jidher li l-Prim Ministru reġa’ bdielu u issa – meta mistoqsi mill-ġurnalisti lbieraħ – wieġeb li l-format mhux ideali u għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.

Dan huwa preċiżament dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista li sa mill-bidu sostna li Malta ma tistax tappoġġja proposta li ma għandhiex qafas ċar, u li kwalunkwe inizjattiva ġdida ma tistax u ma għandhiex iddgħajjef is-saltna tad-dritt internazzjonali u l-ħidma kontinwa favur il-paċi li jwettqu organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti. Il-PN għamilha ċara wkoll li Malta għandha tibqa’ stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi u s-sigurtà billi jħaddan politika ta’ non-allineament b’rispett lejn id-dritt internazzjonali.

Jidher ċar li l-kritika li qala’ Abela wara li fil-Parlament implika li Malta tista’ tissieħeb f’dan il-bord wasslitu biex jagħmel din il-U-turn. Anke jekk fl-istess nifs mal-ġurnalisti lbieraħ qal ukoll li d-diskussjoni għadha fl-istadju tal-evalwazzjoni meta kien mistoqsi jgħid x’pariri legali rċieva l-Gvern dwar dan.

Fost dawk li kienu minn tal-ewwel li ħadu pożizzjoni kontra dik tal-Prim Ministru kien hemm il-President tal-Partit Laburista stess Alex Sciberras li ħareġ mill-ewwel jiddikjara li Malta ma għandhiex tipparteċipa. Segwew diversi uffiċjali, deputati u esponenti oħra tal-Labour fosthom Edward Zammit Lewis u n-Nisa Laburisti.

Tal-istess fehma kienu l-eks MEP Laburista Cyrus Engerer, Jason Micallef, Marie Louise Coleiro Preca, Evarist Bartolo, Maria Camilleri, Carmen Sammut, Aleks Farrugia, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, diversi partiti oħra u anke għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li kieku ma kienx għad-Deputat tiegħu Mario de Marco li fil-Parlament ippressa lill-Prim Ministru, għadna sal-lum ma nafux li l-Gvern irċieva stedina “informali” biex jissieħeb f’din l-inizjattiva. Kif għadna sa issa ma nafux kif, meta u minn min saret din it-talba, u x’kundizzjonijiet huma imposti fuq pajjiżna ma’ din l-istedina.

Il-PN itenni s-sejħa li għamel nhar il-Ħadd il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg biex qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni f’dan il-każ, il-Gvern imur quddiem il-Parlament għal dibattitu li fih jiġu mwieġba l-mistoqsijiet kollha li hemm fuq din il-materja.

Pajjiżna għandu bżonn Prim Ministru li jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti.

Mhux Prim Ministru li l-ewwel jgħid ħaġa u mbagħad għax jara li kulħadd kontrih, jagħmel U-turn. Jew Prim Ministru li jbiddel fehmtu ma’ kull riħ.