Sewwiew ta’ gaffa spiċċa ferut wara li aktar kmieni ċeda saqaf ta’ residenza waqt xogħolijiet li kienu għaddejin fiz-zona magħrufa bħala Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq.
Il-każ seħħ għal ħabta tal-10:55am fi Triq il-Qrendi.
Fil-post intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili. Il-Pulizja u tim mediku mill-isptar Mater Dei kienu wkoll qed jassistu f’din l-operazzjoni.
Net News jinsab infurmat li r-raġel kien f’gaffa, li f’dak il-ħin jidher li kienet fuq saqaf. Fil-fatt, kien dan ir-raġel li kien qed iħaddem l-istess gaffa fil-mument li seħħ il-każ.
L-identità u l-kundizzjoni tal-ħaddiem għadha mhix magħrufa.
Sadanittant, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol qegħdin jassistu dwar dan l-inċident. Iż-żewġ awtoritajiet qegħdin jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ dan il-każ, inkluż bi ħruġ ta’ twaqqif immedjat tax-xogħlijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
//= $special ?>

