Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ gaffa ferut meta spiċċa maqbud wara li ċeda saqaf

Raġel ta’ 59 minn Ħaż-Żabbar, weġġa’ wara li ċeda saqaf ta’ residenza waqt li kienu qed isiru xi xogħlijiet fuqu.

Il-każ seħħ għal ħabta tal-10:45am fi Triq il-Qrendi.

Fil-post intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili. Il-Pulizja u tim mediku mill-isptar Mater Dei kienu wkoll qed jassistu f’din l-operazzjoni.

Wara li r-raġel nħareġ mill-post, ittieħed l-isptar b’ambulanza fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Net News jinsab infurmat li r-raġel kien f’gaffa, li f’dak il-ħin jidher li kienet fuq saqaf. Fil-fatt, kien dan ir-raġel li kien qed iħaddem l-istess gaffa fil-mument li seħħ il-każ.

Sadanittant, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol qegħdin jassistu dwar dan l-inċident. Iż-żewġ awtoritajiet qegħdin jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ dan il-każ, inkluż bi ħruġ ta’ twaqqif immedjat tax-xogħlijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.