Lokali

Aktar riżenji mill-kumpanija Malita Investments

Is-saga ta’ riżenji min-naħa tal-kumpanija Malita Investments, tkompli … din id-darba b’riżenji ta’ żewġ diretturi – Victor Carachi u Tania Brown.

Dawn id-dettalji tħabbru fi stqarrija maħruġa fil-Borża ta’ Malta fejn ingħad illi Carachi rriżenja minħabba raġunijiet personali, filwaqt li Brown irriżenjat wara li aċċettatat pożizzjoni ġdida. Minflokom issa ser iservu bħala diretturi Roderick Psaila u Carmela Ciantar.

Fl-istess stqarrija tħabbar ukoll li Desiree Cassar irriżenjat mir-rwol ta’ Segretarja tal-kumpanija u se tkompli sservi fil-kariga ta’ direttur mhux eżekuttiv.

Fil-passat, din il-kumpanija diġà rat sensiela ta’ riżenji fosthom, tas-segretarju tal-kumpanija, Albert Cilia u taċ-Chairman eżekuttiv Johan Farrugia.

Apparti minn hekk l-Eks MEP Laburista u Eks Chairperson tal-istess kumpanija Marlene Mizzi, kienet tneħħiet mill-kariga tagħha wara li kienet allegat indħil politiku min-naħa tal-eks ministru Galdes fil-kumpanija Malita Investments. Mizzi kienet allegat li Roderick Galdes – li għadu deputat tal-Labour fil-Parlament – kien qed jitħabbeb ma’ ċertu kuntratturi tal-kumpanija.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Ministru responsabbli minn din il-kumpanija, Roderick Galdes, irriżenja. U qal li ħa din id-deċiżjoni biex inaddaf ismu minn allegazzjonijiet li tqajmu fl-aħħar ġimgħat u xhur. Wara r-riżenja ta’ Galdes, Malita Investments, issa taqa’ taħt is-Segretarju Parlamentari, Andy Ellul.

Preżentament, il-kumpanija, Malita Investments qed tiġi investigata, mill-Awditur Ġenerali… fuq talba tal-Partit Nazzjonalista.