Lokali

“Dan każ klassiku ta’ daħk fil-wiċċ fir-rigward tal-ambjent” – NGOs kontra l-liġi proposta għad-Dwejra

Bosta NGOs ambjentali, inkluż BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, u Moviment Graffiti, ikkundanaw abbozz ta’ liġi tal-Gvern li, taħt il-pretest ta’ “protezzjoni”, jieħu d-direzzjoni opposta.

L-abbozz, li jippermetti dawl fid-Dwejra sa nofsillejl, imur kontra l-prinċipji ta’ konservazzjoni u jiftaħ it-triq għal degradazzjoni permanenti u “legalizzazzjoni” tad-dwal illegali. L-NGOs argumentaw li d-dlam fil-post huwa essenzjali – mhux biss għall-valur xjentifiku u edukattiv, imma wkoll għall-konservazzjoni ta’ speċi vulnerabbli.

Minflok ma jikkonsulta bis-sħiħ u jagħti importanza lil dawn l-għaqdiet, il-Gvern naqqas ir-rappreżentanza u saħansitra neħħa d-delegat ta’ Malta fil-UNESCO.

Il-liġi proposta mhijiex kompatibbli mal-Pjan Lokali ta’ Għawdex u Kemmuna, li jistipula li d-Dwejra għandha tibqa’ Dark Sky Heritage Area. Il-Gvern qed jagħżel li jserraħ fuq permessi diskrezzjonali, li skont l-NGOs, jiftaħ it-triq għal aktar ħsara ambjentali fil-futur.

L-NGOs appellaw direttament lil Miriam Dalli u Clint Camilleri biex jbiddlu d-direzzjoni u jipproteġu d-Dwejra, u sejħu lill-pubbliku biex jibgħat oġġezzjonijiet sal-3 ta’ Marzu 2026 fuq era.policy@era.org.mt, u jżommu kopja lill: savingdwejra@gmail.com.