Internazzjonali

Epstein kien possibbilment se jivvjaġġa lejn Malta

Dokumenti riċenti żvelaw kif Jeffrey Epstein kien interessat li jagħmel minn kollox biex jirkupra biljuni ta’ dollari f’assi allegatament misruqa matul ir-rivoluzzjoni vjolenti tal-Libja fl-2011 – tant li kkunsidra li jivvjaġġa lejn il-Libja billi jgħaddi minn Malta.

L-emails li ġew ippubblikati mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, bħala parti mill-Epstein Files jinkludu messaġġi minn April 2011 li jaġġornaw lil Epstein dwar l-ispiża ta’ assigurazzjoni ta’ titjira lejn il-Libja li tħassret minħabba l-gwerra. Fl-emails ġew suġġeriti, rotot potenzjali fosthom vjaġġ minn West Palm Beach fi Florida għal Malta, b’waqfa fil-Portugall. U mbagħad permezz ta’ vjaġġ bil-baħar ikompli triqtu lejn il-Libja.

Email separata mibgħuta lil Epstein tliet xhur wara jikxef l-interess ta’ Epstein fil-Libja tul ir-rivoluzzjoni. Il-messaġġ jitkellem dwar pjanijiet biex jiġu identifikati u rkuprati “biljuni” ta’ dollari f’fondi Libjani misruqa jew użati b’mod skorrett.

L-emails ta’ Epstein dwar Malta ma waqfux hemm. L-intress tiegħu kompla jikber matul is-snin – f’mument minnhom, fl-2014, anke staqsa fuq il-proprjetà f’pajjiżna.

Emails oħrajn kixfu kif ta’ madwaru bdew iħejju anke kuntatti f’pajjiżna ma’ xi ħadd ġenju fil-qasam tal-bitcoin. L-isem tiegħu ma ssemma’ qatt.

Apparti minn hekk, jidher li Epstein kien anke interessat fis-sistema tat-taxxa. U fuq Malta, ried ikun jaf kollox.

Jeffrey Epstein kien neħħa ruħu b’idejh f’ċella ta’ ħabs f’Awwissu tal-2019. U wara mewtu feġġew allegazzjonijiet serjissimi marbuta mal-abbuż li sofrew diversi tfajliet – ħafna minnhom minorenni.