Il-Bank of Valletta (BOV) inawgura uffiċjalment Ċentru tal-Investiment ġdid fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema. Dan iċ-Ċentru l-ġdid, li ġie rilokat mill-Ġżira, jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Bank li jtejjeb is-servizzi ta’ investiment tiegħu u jipprovdi lill-klijenti ambjent modern, aċċessibbli u ffukkat fuq il-ħtiġijiet tagħhom.
Il-bini l-ġdid tal-ogħla livell, ġie inawgutat f’ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali ppreseduta miċ-Chairperson tal-Bank of Valletta Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia. F’kelmtejn tal-okkażjoni, irrimarkaw li sa mit-tnedija tagħhom fl-2012, iċ-Ċentri tal-Investiment tal-BOV kienu strumentali għat-tkabbir u l-iżvilupp kontinwu tal-Bank. Dan l-approċċ jirrifletti l-impenn tal-Bank li jkun iffokat fuq il-klijenti u li jipprovdihom b’attenzjoni personali f’ambjent isbaħ li jwassal għall-ogħla livell ta’ servizzi bankarji personalizzati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, qal, “Iċ-Ċentru tal-Investment ta’ Tas-Sliema ġie ddissinjat b’mod li jipprovdi esperjenza aħjar lill-klijenti li jfittxu pariri personalizzati dwar l-investiment u soluzzjonijiet finanzjarji speċjalizzati, inkluż sett dejjem jikber ta’ għażliet ta’ investiment sostenibbli li jappoġġaw valur fit-tul. Meta ħdimna fuq dan iċ-Ċentru l-ġdid, ikkunsidrajna bir-reqqa wkoll l-użu ta’ materjali hekk imsejħa ambjentalment responsabbli, li jirrifletti l-impenn tagħna li naħdmu b’mod aktar sostenibbli. Aħna nkomplu nittrasformaw l-esperjenza tas-servizz tal-klijenti tagħna biex niżguraw li nibqgħu rilevanti għar-rekwiżiti tagħhom, irrispettivament mill-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja li jinsabu fih.”
Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, kompla fuq dak li qal il-Kap Eżekuttiv u żied li “l-2026 hija sena fundamentali li se ssawwar il-Bank għas-snin li ġejjin. Kull deċiżjoni li l-Bank jieħu llum hija investiment f’ġejjieni fejn se naħdmu biex nibqgħu b’saħħitna, rilevanti u innovattivi.”
Iċ-Ċentru tal-Investiment ta’ Tas-Sliema, li jaqdi mat-8,000 klijent, ġie inawgurat fil-preżenza taċ-Chief Personal and Wealth Officer Simon Azzopardi, iċ-Chief Operations Officer Ernest Agius, il-Manager taċ-Ċentru tal-Investiment ta’ Tas-Sliema Sharon Pollacco, u l-Kap tal-Prestige Client Network Roberta Bellizzi.
Minbarra ċ-Ċentru tal-Investiment f’Tas-Sliema, il-Bank of Valletta għandu erba’ Ċentri tal-Investiment oħra li jinsabu f’Bir id-Deheb, il-Mosta, ir-Rabat Għawdex u Ħal Qormi. Iċ-Ċentru tal-Investiment ta’ Ħal Qormi jinsab temporanjament rilokat il-Marsa minħabba xogħlijiet ta’ rinnovar. Kull Ċentru għandu tim iddedikat ta’ konsulenti kwalifikati dwar l-investiment, appoġġjat minn tim speċjalizzat fi ħdan il-Wealth Management li flimkien jiżguraw li kull klijent jirċievi għarfien f’waqtu dwar is-suq u jingħata pariri infurmati u strateġiċi.



