Ir-rappreżentant tal-militar Amerikan, Tim Hawkins, ikkonferma li drone Iranjan ġie mwaqqa’ mill-forzi armati Amerikani wara li “avviċina” bastiment Amerikan.
Sagħtejn wara, żewġ bastimenti Iranjani avviċinaw bastiment Amerikan ieħor fuq l-Istrett ta’ Hormuz u heddew li jitilgħu abbord u li jaħtfuħ. Dan filwaqt li drone Iranjan ieħor tar minn fuqhom.
Eventwalment, wasal fiż-żona bastiment Amerikan u flotta ta’ jets Amerikani li skortaw il-bastiment li kien ġie mhedded.
Qabel ma seħħew dawn l-inċidenti, uffiċjali Amerikani u Iranjani kienu ppjanaw li jiltaqgħu fit-Turkija nhar il-Ġimgħa s-6 ta’ Frar biex jipprovaw jevitaw eskalazzjoni. Il-laqgħa kellha tinkludi l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu, l-Oman, il-Pakistan, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, u l-Emirati Għarab Magħquda.
Intant, il-Gvern Iranjan ippropona li l-laqgħa bejn iż-żewġ pajjiżi tiġi rilokata lejn l-Oman u li parteċipanti reġjonali jkunu esklużi. Apparti minn hekk, il-Gvern Iranjan stqarr li l-iskop tal-laqgħa issa għandu biss ikun dak ta’ diskussjoni dwar il-programm nukleari tal-Iran.
Il-Press Secretary tal-gvern Amerikan, Karoline Leavitt, ħabbret li minkejja l-inċidenti li seħħew nhar it-Tlieta, il-laqgħa ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Iran għadha skedata.


