Lokali

Il-GWU tordna azzjonijiet industrijali għall-ħaddiema ta’ Transport Malta

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union ħabbret li qed tidħol f’fażi ġdida fit-tilwima industrijali ma’ Transport Malta, hekk kif se tieħu passi ta’ azzjonijiet industrijali biex tiġi difiża r-rieda demokratika tal-ħaddiema.

Fi stqarrija, il-union qalet li minkejja diversi tentattivi biex il-kwistjoni tiġi indirizzata permezz ta’ djalogu kostruttiv, inkluż l-intervent tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), it-talbiet tal-membri qed jibqgħu injorati.

Is-Segretarju tat-Taqsima, Jurgen Azzopardi, enfasizza li l-GWU se tibqa’ impenjata favur soluzzjoni ġusta, iżda ma tistax tħalli d-drittijiet u t-talbiet tal-membri jiġu injorati. Dawn l-azzjonijiet isegwu fażi preċedenti ta’ trattattivi li ma wasslux għal soluzzjoni konkreta, u għalhekk il-GWU ma kellhiex mod ieħor ħlief li tordna l-azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha.

Il-GWU temmet tirrikonoxxi li l-azzjonijiet industrijali jistgħu jaffettwaw xi servizzi u skużat ruħha għall-inkonvenjent u qalet li huma pass meħtieġ biex tingħata attenzjoni lill-membri tagħha u jitħarsu d-drittijiet tagħhom skont il-liġi tax-xogħol.