Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta ssostniet li l-liġijiet u r-regolamenti għandhom jiġu rispettati u osservati, u tappella għal infurzar aktar b’saħħtu sabiex min jikser il-liġi ma jkollux vantaġġ fuq dawk in-negozji li joperaw b’konformità sħiħa mal-liġijiet u r-regolamenti.
Il-Kamra saħqet li d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li negozji li joperaw fi strutturi illegali xorta waħda se jkunu eliġibbli għall-fond ta’ rikostruzzjoni wara l-maltempata hija ta’ tħassib serju. Saħqet ukoll li l-appoġġ lil negozji li jinsabu bi ksur tar-regolamenti tal-ippjanar u tal-bini jmur direttament kontra l-prinċipji ta’ governanza tajba, is-saltna tad-dritt u politika pubblika etika.
Fi stqarrija, il-Kamra sostniet li dawk li joperaw legalment, iħallsu t-taxxi tagħhom fil-ħin u josservaw ir-regolamenti tal-ippjanar u tas-sigurtà għandhom jiġu rikonoxxuti, protetti u mħeġġa, u mhux imqiegħda fl-istess keffa ma’ dawk li jiksru l-liġi. Din is-sitwazzjoni toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusti.
Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern biex jeskludi mill-fond ta’ rikostruzzjoni dawk in-negozji li joperaw b’illegalitajiet. Il-flus pubbliċi m’għandhomx jintużaw biex jappoġġjaw, jiffinanzjaw jew jippremjaw operazzjonijiet tan-negozju illegali.
//= $special ?>

