Il-Parlament se jibda dalwaqt dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Gvern dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef. Dan id-dibattitu se jsir wara li seħħew żviluppi iktar kmieni llum bl-intervent tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Fil-fatt ftit ilu, wara l-mistoqsijiet parlamentari l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia ressqet il-mozzjoni biex il-Parlament jissospendi l-aġenda li għandu quddiemu u jiddiskuti mozzjoni tal-Gvern biex l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tkun maħtura Prim Imħallef.
Din il-mozzjoni kienet diġà tressqet fis-seduta tat-Tlieta iżda l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien iddikjara f’ruling li ma setgħetx tkun diskussa għax ma kinitx skont il-proċedura parlamentari li tesiġi li mozzjoni trid tlett ijiem biex tkun diskussa fil-Parlament. Fis-seduta tat-Tlieta, qabel ir-ruling tal-Ispeaker, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar kien iddikjara li l-Oppożizzjoni tinsisti li l-Parlament jimxi skont ir-regoli tal-Kamra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg llejla fil-Parlament qal li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni fis-seduta tat-Tlieta kienet skont ir-regoli tal-Parlament iżda wara li kien tkellem mal-President, il-mozzjoni għandha tkun diskussa u jittieħed vot dwarha.
//= $special ?>

