Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell imressaq minn Redent Galea u kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, li biha kien instab ħati li kiser żewġ regolamenti dwar l-insib tal-għasafar selvaġġi.
Il-każ imur lura għall-10 ta’ Diċembru 2022, meta waqt spezzjoni fiz-zona ta’ Triq il-Marsa, iż-Żurrieq, il-Pulizija semgħet tisfir irrekordjat ta’ għasafar wara ċint viċin ground tal-futbol. Wara li daħlu fi proprjetà fil-qrib, l-uffiċjali sabu mnasab attivi u oġġetti relatati mal-attività tal-insib, li kienu fil-pussess ta’ Galea.
Huwa kien mixli b’diversi imputazzjonijiet relatati ma’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-insib, l-użu ta’ ‘bird caller’ irrekordjat u l-użu ta’ aktar minn mansab wieħed minn dura waħda. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu minn tliet imputazzjonijiet, iżda sabitu ħati tal-użu ta’ tisfir irrekordjat u tal-użu ta’ żewġ imnasab minn dura waħda.
Għaldaqstant, kien ikkundannat għal multa ta’ €1,000, ordnata l-konfiska tal-oġġetti u ssospendietlu kull liċenzja jew permess rilevanti għal perjodu ta’ tliet snin. Fl-appell tiegħu, Galea sostna li l-ewwel qorti għamlet apprezzament żbaljat tal-provi, li kien hemm nuqqasijiet fil-katina tal-kustodja u li l-provi mressqa ma kinux biżżejjed biex jissostanzjaw il-ħtija tiegħu. Huwa argumenta wkoll li l-piena imposta kienet sproporzjonata u talab li tingħatalu ordni ta’ probation.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell qieset li l-ewwel qorti waslet għall-konklużjonijiet tagħha b’mod legali u raġonevoli, u saħqet li l-affidavit tal-uffiċjal tal-Pulizija li fuqu kienet ibbażata s-sentenza kien prova valida. Il-Qorti rrimarkat ukoll li xhud wieħed, jekk emmnut, huwa biżżejjed skont il-liġi, u li l-appellant kellu kull opportunità jikkontesta l-provi iżda għażel li ma jagħmilx dan.
Fir-rigward tal-piena, il-Qorti qalet li din ma kinitx manifestament eċċessiva u taqa’ fil-limiti stabbiliti mil-liġi, filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-aspetti preventivi u retributtivi f’każijiet ta’ ksur tar-regolamenti ambjentali.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ċaħdet l-appell kollu u kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha, u speċifikat li s-sospensjoni tal-liċenzji għandha tibda tgħodd mid-data tas-sentenza tal-appell.
//= $special ?>

