Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza sospiża ta’ sitt xhur priġunerija fuq fastidju

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell imressaq minn Kurt Buttigieg u kkonfermat is-sentenza sospiża mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati f’Novembru li għadda, li biha Buttigieg instab ħati li ta fastidju lil George Camilleri u li kien jaf jew messu kien jaf li l-aġir tiegħu kien jikkostitwixxi fastidju.

Il-każ kien jirrigwarda sensiela ta’ inċidenti li seħħew fuq perjodu ta’ żmien, inkluż fit-8 ta’ Frar 2024 fi Triq Galileo Galilei, il-Kortin, fil-Mellieħa, fil-kuntest ta’ tilwima twila bejn il-parte civile u l-familja tal-appellant. Filwaqt li l-ewwel qorti lliberat lil Buttigieg mill-akkużi relatati mas-sewqan traskurat, perikoluż u bla kont minħabba nuqqas ta’ prova suffiċjenti dwar l-identifikazzjoni tal-vettura u tas-sewwieq, xorta waħda sabitu ħati tar-reat ta’ fastidju, wara li kkonkludiet li kien hemm “course of conduct” li kkawża stress u ansjetà serja fil-vittma.

Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ dan l-apprezzament tal-provi, enfasizzat li anke żewġ inċidenti jistgħu jkunu biżżejjed biex jissussisti r-reat ta’ fastidju, u fakkret li x-xhieda ta’ xhud wieħed, jekk emnuta, hija biżżejjed biex tiġi stabbilita l-ħtija. Għaldaqstant, ġiet ikkonfermata s-sentenza ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal sena taħt l-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali, filwaqt li l-appell kollu ġie miċħud.