Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tirrevoka sentenza u tillibera mara akkużata li neħħiet “flushing” minn proprjetà ġirien

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet appell imressaq minn Madeline Cini Caruana u ħassret sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitha ħatja ta’ reat ta’ li ħadet il-liġi b’idejha għax ħasbet li għandga dan id-dritt u dan b’rabta ma’ tilwima dwar flushing imwaħħal bejn żewġ proprjetajiet f’Luqa, u ordnat il-liberazzjoni tagħha minn kull ħtija u piena.

Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Appell Kriminali, f’kawża li fiha l-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Paul Camilleri, kienu qed jappellaw kontra l-imputata wara sentenza mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2023.

Il-każ jirrigwarda tilwima bejn żewġ proprjetajiet adjaċenti fi Triq San Ġużepp, Ħal-Luqa: waħda proprjetà tal-appellanta u żewġha Oliver Cini, u oħra li tappartjeni lil Alvin Borg. Skont il-provi, Borg kien waħħal flushing mal-ħajt diviżorju tal-proprjetà tal-konjuġi Cini, fatt li wassal biex l-akkużati tagħmel rapport lill-Pulizija fit-13 ta’ Marzu 2022, fuq parir tal-avukat tagħha. Hija sostniet li, dejjem fuq parir legali, il-flushing tneħħa mingħajr ma saritlu ħsara u tħalla f’post aċċessibbli għas-sid tiegħu.

Madankollu, minkejja li kienet marret l-Għassa bħala kwerelanta, spiċċat hi stess mixlija li kienet ġiegħlet lil Borg jesegwixxi obbligazzjoni jew indaħlet fil-pussess tiegħu b’mod kontra l-liġi, u ġiet ikkundannata mill-Ewwel Qorti, li lliberatha bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor għal sitt xhur.

Fl-appell tagħha, Cini Caruana sostniet li l-provi ma jurux li kienet hi li neħħiet il-flushing, b’mod partikolari fid-dawl tax-xhieda ta’ żewġha Oliver Cini, li ammetta espressament quddiem il-Qorti li kien hu li fiżikament qala’ l-flushing. Anke Alvin Borg kien indika li ma ra lil ħadd ineħħi l-flushing u li kienu il-Pulizija li infurmawh li dan tneħħa “min-naħa tagħhom”, b’referenza għall-konjuġi Cini.

Il-Qorti tal-Appell eżaminat fid-dettall ix-xhieda u l-affidavits prodotti u waslet għall-konklużjoni li ma teżistix prova soda li l-appellanti kienet l-awtriċi tal-att imputat lilha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tieni darba li l-flushing tneħħa.

L-Imħallef osservat ukoll li l-akkuża kienet mibnija kważi esklussivament fuq ir-rapport li għamlet Madeline Cini Caruana stess lill-Pulizija, rapport li fih hija setgħet kienet qed tinkrimina lilha nnifisha mingħajr ma ngħatat it-twissija legali fundamentali dwar id-dritt tas-silenzju.

Il-Qorti qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi ma setgħetx tistrieħ fuq din il-prova waħdanija, peress li kienet miksuba mingħajr ma ġew osservati d-drittijiet bażiċi tal-persuna investigata, u li għalhekk ma ntlaħaqx il-livell ta’ prova meħtieġ mil-liġi biex tiġi sostnuta ħtija kriminali.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-ewwel aggravju tal-appell, qieset li l-Ewwel Qorti ma setgħetx legalment tasal għas-sentenza ta’ ħtija, u qieset mhux meħtieġ li tidħol fl-aggravji l-oħra mqajma mill-appellanti. Il-Qorti għalhekk ħassret u rrevokat is-sentenza appellata u ordnat il-liberazzjoni ta’ Madeline Cini Caruana minn kull ħtija u piena.