Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tissospendi l-ħabs wara suċċess fir-rijabilitazzjoni mid-droga

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet l-appell ta’ Joseph Anthony Cini u riformat is-sentenza li kienet ġiet imposta fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, billi kkonvertiet piena ta’ 10 xhur priġunerija effettiva f’priġunerija sospiża għal sentejn.

Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, wara li l-Qorti kkonkludiet li r-reati li għalihom instab ħati kienu prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga u li Cini għamel progress sostanzjali fir-rijabilitazzjoni tiegħu.

Cini kien instab ħati fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ pussess ta’ eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, wara li fl-5 ta’ Lulju 2016 nstab fil-pussess ta’ tmien pakketti ta’ sustanza li rriżultat taħlita ta’ eroina, kaffeina u paracetamol. Madankollu, kien ġie lliberat mill-akkużi ta’ forniment tad-droga, pussess ta’ sikkina u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Fl-appell tiegħu, Cini ma kkontestax is-sejba ta’ ħtija iżda talab lill-Qorti tvarja l-piena, billi sostna li l-Ewwel Qorti kellha tqis id-dipendenza twila tiegħu fuq l-eroina u l-isforzi li kien diġà beda jagħmel biex jinfatam mill-vizzju. Il-Qorti tal-Appell innutat li wara s-sentenza oriġinali, hija stess kienet assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga u rreferiet lill-appellant quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni, li aktar tard ikkonferma li l-proċess ta’ rijabilitazzjoni tiegħu kien intemm b’suċċess.

Mill-provi ppreżentati quddiem il-Qorti rriżulta li Cini kien ilu snin twal dipendenti fuq id-droga, iżda mill-2019 ’l hawn kien beda jagħmel sforz serju biex jibdel ħajtu, inkluż trattament mediku, segwitu mill-Caritas u kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet. Xhieda kkonfermaw li wara li temm il-programm ta’ kura, huwa baqa’ miexi fit-triq it-tajba u anke għamel xogħol volontarju.

Għalkemm il-Qorti enfasizzat li dawn iċ-ċirkostanzi ma jiskolpawx lill-appellant mir-responsabbiltà kriminali tiegħu, qieset li, fid-dawl tal-progress sostanzjali fir-rijabilitazzjoni, kien xieraq li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi li jippermettu sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija.

Għaldaqstant, ikkonfermat is-sejbiet ta’ ħtija u ta’ liberazzjoni mill-akkużi l-oħra, iżda ssostitwiet il-ħabs effettiv b’sentenza sospiża, filwaqt li wissiet lil Cini bil-konsegwenzi serji jekk jerġa’ jwettaq reat matul il-perjodu operattiv. Il-Qorti ordnat ukoll li, wara sentejn u sakemm ma jkunx hemm reċidiva, dawn ir-reati ma jitqisux għall-finijiet taċ-ċertifikat tal-kondotta.