Fil-Jum Dinji tal-Kanċer il-PN jinsisti li t-trattament kollu tal-kanċer għandu jkun inkluż fil-formularju tal-gvern illum qabel għada
Il-ġlieda kontra l-kanċer ma tista’ tieqaf qatt u hu għalhekk li t-trattament kollu tal-kanċer għandu jkun disponibbli fuq il-formularju tal-gvern mill-aktar fis possibbli.
Fil-Jum Dinji tal-Kanċer, il-Partit Nazzjonalista jfakkar fil-ħtieġa tal-ħarsien tad-dinjità tal-pazjenti, fosthom billi dawn jingħataw aċċess għat-trattament kollu li jeħtieġu mingħajr ma jkollhom imorru jittallbu għand ħadd.
Dan jgħodd għal kull pazjent u jgħodd ukoll għall-mediċini.
Fl-aħħar jiem rajna kif mijiet ta’ mediċini splodew fil-prezz, b’uħud sa ttripplaw fil-prezz tagħhom. Dan qed jitfa’ dejjem aktar piżijiet fuq persuni vulnerabbli li biex jieħdu ħsieb saħħithom qed ikollhom jagħmlu għażla bejn il-mediċini u affarijiet oħra essenzjali. Dawn iż-żidiet fil-prezzjijiet tal-mediċini huma ta’ tħassib u huwa aktar ta’ tħassib li dawn il-prezzijiet mistennija jkomplu jogħlew hekk kif jidħlu fis-seħħ miżati u tariffi ġodda li ma ssemmew imkien fil-budget tal-Gvern.
Dan il-fatt, flimkien ma’ lista twila ta’ mediċini out-of-stock, jixhed in-nuqqas ta’ serjetà li biha l-Gvern qed jittratta s-saħħa tal-Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà ma’ dawk kollha li bħalissa għaddejjin, huma jew il-maħbubin tagħhom, minn mard kiefer.
Gvernijiet Nazzjonalisti investew bis-sħiħ fis-saħħa, kemm dik ġenerali bil-bini tal-istpar Mater Dei u tat-tisħiħ tal-kura primarja fost l-oħrajn, kif ukoll bl-akbar investiment fil-kura tal-kanċer li qatt sar f’pajjiżna bil-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Kien ukoll grazzi għall-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista li llum il-pazjenti qed jirċievu t-trattament tal-kimoterapija fid-djar tagħhom.
//= $special ?>

