Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttugieg qal fl-Aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ bilanċ bejn ir-residenti u s-sidien tar-ristoranti dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra.
Hu qal li l-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet maħruġa f’zoni pubbliċi u bankini saret kwistjoni nazzjonali. Illum il-ġurnata, huma diversi dawk ir-residenti f’diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna li qegħdin jilmentaw u jipprotestaw fuq kif zoni pubbliċi qiegħdin jispiċċaw meħudha min-numru ta’ bars u ristoranti li jagħmlu dawn il-bankini u zoni pubbliċi oħra bħal estenzjoni tal-bar u ristorant tagħhom.
Jekk qabel kienu r-residenti ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira li jilmentaw minn dan l-abbużi, issa hemm ir-residenti tal-Belt Valletta, ta’ Marsascala, ta’ Birżebbuga u diversi residenti oħra, saħansitra f’Għawdex li qiegħdin jilmentaw minn dan l-abbuż.
Issa hemm ukoll rapport tal-Ombudsman, li mhux biss juri li din l-issue saret problema imma anke jagħti diversi rakomandazzjonijiet biex tkun indirizzata din il-problema. Tkun ħasra jekk dan ir-rapport ikun rapport ieħor li jibqa’ fuq l-ixkaffa għax forsi nibżgħu li nirfsu l-kallu ta’ xi ħadd.
Naħseb li lkoll naqblu li bħala Maltin li għandha klima Mediterranja, li nieklu u nieħdu kafè barra hija esperjenza sabiħa. Din hija karetteristika li hija mfittxija anke mit-turisti. Dan ifisser li l-imwejjed u s-siġġijiet huma xi ħaġa pożittiva li rridu nħarsu u ħadd mhu qiegħed jgħid li dawn ma għandhomx ikunu.
Hu qal li ħadd mhu qiegħed igħid li dawn għandhom jittneħħew kollha iżda li jkun hemm bżonn ordni u bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-interess kummerċjali. Ma jistax ikun hemm żbilanċ dejjem favur l-interessi kummerċjali u naqgħu u nqumu mill-interess tar-residenti.
L-ombusman qiegħed jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom li mhux kulma għandu toqba ta’ ristorant jew bar jaħseb li għandu xi dritt divin li jkollu l-inwejjed u s-siġġiet bħala estenzjoni. Dan ifisser li hemm postijiet li għandu jkun hemm mwejjed u siġġijiet u hemm postijiet oħra li dawn ma għandhomx ikunu.
Rakkomandazzjoni oħra hi li jkun hemm sinjali u marki fl-art fejn wieħed għandu l-encroachment ta’ zoni pubbliċi. L-Ombusman tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ nfurzar. Fuq l-imwejjed u s-siġġijiet hemm fragmentazzjoni sħiħa ta’ min huwa responsabbli ta’ x’hiex. Fil-fatt, hemm madwar ħames entitajiet pubbliċi li meta wieħed iressaq ilment, ifarfru minn spallejhom.
Albert Buttigieg qal li fil-fatt, hemm il-Pulizija, hemm l-Awtorità tal-Artijiet, it-Trading Department, l-Awtorità tal-Ippjanar u hemm ukoll l-MTA; ħames ministeri differenti.
Hu ppropona li biex neliminaw din il-fragmentazzjoni u jkun hemm management aħjar u verament effikaċi b’one stop shop li jiġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda taħt ministeru wieħed. B’hekk, mhux biss tonqos il-burokrazija għas-sidien ta’ dawn l-entitajiet kummerċjali għaliex għandhom kulma jridu taħt saqaf wieħed, imma wkoll ir-residenti li meta dawn iwasslu l-ilmenti tagħhom fuq xi abbuż, ma jispiċċawx jiġru minn ministru għall-ieħor. Dan il-one stop shop taħt ministeru wieħed għandu jaħdem id f’id mal-Kunsill lokali.
Il-Kunsilli għandhom ikunu parti integrali mid-decizjoni u mill-infurzar tal-kundizzjonijiet mogħtija.
Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora dawn l-abbuzi aktar u aktar meta l-gvern jiftaħar li jrid ikun hawn aktar spazji miftuħa. Ir-residenti tagħna jistħoqqilhom igawdu dak li huwa pubbliku, sostna Albert Buttigieg.
//= $special ?>

