Lokali Qorti

Konfermati kundanni fuq arrest illegali u serq aggravat wara każ ta’ flus meħuda b’forza fiż-Żejtun

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ppreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ċaħdet l-appelli mressqa minn Alex Galea u Twain Sciberras u kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabithom ħatja, fost oħrajn, b’arrest illegali u b’serq aggravat b’rabta ma’ inċident li seħħ f’Jannar tal-2019 fiż-Żejtun.

Is-sentenza ngħatat f’kawża li kienet toriġina minn fatti li seħħew fir-residenza ta’ Doris Galea, omm wieħed mill-imputati, wara allegazzjonijiet li Victor Lofreda kien qarraq biha u ħadilha €750 bħala depożitu fuq kiri li allegatament ma kienx jeżisti. Meta Lofreda mar jiġbor flus oħra flimkien ma’ Josianne Sciberras, seħħ l-inċident li wassal għal dawn il-proċeduri kriminali.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Alex Galea ħati li kkawża feriti gravi lil Lofreda, kif ukoll li żamm illegalment lil Lofreda u lil Josianne Sciberras kontra r-rieda tagħhom. Twain Sciberras, min-naħa tiegħu, kien instab ħati flimkien ma’ ko-imputat ieħor b’arrest illegali u b’serq aggravat bil-vjolenza, bil-valur u bil-lok. It-tliet imputati kienu ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u tqiegħdu taħt superviżjoni ta’ probation għal sentejn, flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.

Fl-appelli tagħhom, iż-żewġ appellanti sostnew li l-Qorti tal-ewwel grad għamlet apprezzament żbaljat tal-provi u li, b’mod partikolari, fin-nuqqas tax-xhieda diretta ta’ Victor Lofreda, ma setgħetx tinstab ħtija fir-rigward tal-arrest illegali. Ġie argumentat ukoll li Josianne Sciberras ma speċifikatx min eżattament żammha milli titlaq u li l-istqarrijiet mogħtija mill-imputati ma kinux jammontaw għal ammissjoni ta’ reat.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell qalet li l-provi kienu ċari u konsistenti. Għalkemm Lofreda ma xehedx, ix-xhieda ta’ Josianne Sciberras, flimkien mal-istqarrijiet tal-appellanti stess, kienu biżżejjed biex juru li kemm hi kif ukoll Lofreda ġew miżmuma kontra r-rieda tagħhom għal sigħat twal, f’ambjent intimidatorju fejn kien hemm diversi persuni preżenti.

Il-Qorti saħqet li biex jiġi integrat ir-reat ta’ arrest illegali ma hemmx bżonn li l-vittma tipprova fiżikament titlaq jew li jkun hemm bibien imsakkra, iżda huwa biżżejjed li l-libertà ta’ moviment tiġi ristretta, anke għal perjodu qasir.

Fir-rigward tas-serq, il-Qorti rrikonoxxiet id-distinzjoni fil-liġi bejn serq u “ragion fattasi”, (eżerċizzju arbitrarju tad-drittijiet li wieħed jippretendi li għandu meta jaħseb li għandu dritt li jieħu l-liġi b’idejh), iżda qalet li fil-każ partikolari ma kienx hemm sempliċement irkupru ta’ flus allegatament dovuti.

Mill-provi rriżulta li nġabru €600 mingħand Josianne Sciberras u ttieħed projector u oġġetti oħra mir-residenza tagħha, taħt pressjoni u vjolenza, u li dawn l-affarijiet ma ġewx irtirati lura. Dan, skont il-Qorti, juri l-intenzjoni ta’ approprjazzjoni u għalhekk jissodisfa l-elementi tar-reat ta’ serq aggravat.

Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-Qorti tal-Maġistrati setgħet legalment u raġonevolment tasal għall-konklużjonijiet li waslet għalihom, kemm fir-rigward tal-ħtija kif ukoll tal-piena. Għaldaqstant, l-appelli ta’ Alex Galea u Twain Sciberras ġew miċħuda u s-sentenza appellata ġiet ikkonfermata kollha kemm hi.