In-nies mhux jinqdew. Il-Gvern għejja.
Dan intqal minn attivist tal-Partit Laburista li kiteb analiżi politika fuq is-sitwazzjoni preżenti fil-Gvern, u t-tmexxija ta’ Robert Abela.
L-artiklu, li xxandar fuq il-blog ta’ Neville Gafà, inkiteb minn “osservatur” li hu membru fil-Labour.
Dan l-attivist kiteb hekk: Robert Abela u l-Partit Laburista fil-Gvern inħakmu minn letarġija esaġerata li ilna ma naraw bħalha mill-2010. Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati jaħsbu li tista’ tirbaħ l-elezzjoni tiġi meta tiġi billi tagħmel uploads tal-partner tiegħek għaliex għandu l-birthday b’xi daħka falza u sfurzata fuq facebook…almenu rrispettaw l-intelliġenża tagħna l-Laburisti. Aħna kapaċi naqraw dak li ma jinkitibx iżjed milli taħsbu intom.
Mhux bilfors ikollu jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija Robert Abela meta llum il-Laburisti u ħutna l-Maltin kollha ma jinqdew imkien f’ebda dipartiment jew minn kull entita’ governattiva oħra. Kollha sinjali ta’ letarġija. Għejja tboss.
Ma ninsewx lanqas jekk irridu nkunu onesti li fl-aħħar 4 xhur trid jew ma tridx il-Kap Nazzjonalista Alex Borg ġab ċertu entużjazmu.

Din mhix l-ewwel darba li l-klikka estremista tal-Labour ħarġet tattakka ċertu Ministri li mhux jaqdu lin-nies. Dan filwaqt li hemm membri oħrajn tal-Kabinett li huma ittimbrati – meqjusa bħala “politiċi” tajbin biss għar-ritratti.
Il-kriżi interna għal Robert Abela eskalat sew fl-aħħar ġimgħat wara li wera l-interess tiegħu li jissieħeb fil-club ta’ Donald Trump – biex imbgħad kellu jagħmel u-turn. Anke l-kwistjoni tal-Prim Imħallef qajmet ferment fil-Grupp Parlamentari, għaliex hemm sezzjoni żgħira ta’ deputati li qed jaraw lil Abela bħala “militanti” u politiku li jsabbat saqajh; prattikament ikompli jimbotta lill-faxxa tan-nofs tal-elettorat.
//= $special ?>

