Iż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja huma għal darb’oħra l-ogħla prijoritajiet li l-Ewropej iridu li l-Parlament Ewropew jindirizza. U din hija wkoll il-prijorità ewlenija għall-Maltin – kif konfermata mill-aħħar Eurobarometer li kien ippubblikat l-Erbgħa filgħodu.
Fil-fatt, skont dan l-istħarriġ, 40 fil-mija tal-Maltin jemmnu li l-għoli tal-ħajja għandha tiġi indirizzata b’urġenza. Wara din il-problema, jiġu l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa pubblika, segwiti mill-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni.
Il-Eurobarometer juri li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej huma imħassba dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà bħall-kunflitti li għaddejjin, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, u l-attakki ċibernetiċi.
89% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin biex jiffaċċjaw dan it-theddid globali.
86% jridu li l-UE jkollha vuċi aktar b’saħħitha u 73% jridu aktar riżorsi biex l-UE tindirizza t-theddid fuq livell internazzjonali.
Fejn tidħol is-sigurtà, it-tħassib ewlieni tal-Maltin huwa dwar l-influss ta’ ħaddiema barranin u l-attakki ċibernetiċi minn pajjiżi barra l-UE.
Skont l-istess stħarriġ, il-Maltin huma imħassba wkoll minħabba informazzjoni qarriera u l-fake news li jinxtered, il-kontenut falz permezz tal-AI, id-diskors ta’ mibegħda online u t-theddid għal-libertà tal-espressjoni.
Intant, f’Malta, 71% taċ-ċittadini jqisu s-sħubija fl-UE bħala xi ħaġa tajba – żieda ta’ 12% fuq l-istħarriġ preċedenti.
Apparti minn hekk, 81% jridu jaraw l-UE tieħu rwol akbar fil-ħarsien taċ-ċittadini mill-kriżijiet globali u r-riskji għas-sigurtà.
//= $special ?>

