Internazzjonali

L-Ukrajna: Mingħajr dawl fost il-friża….bl-attakki qed ikomplu

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li mal-200 skwadra għall-emerġenza qegħdin jagħmlu minn kollox biex jirristawraw is-servizzi tad-dawl u l-mezzi għas-sħana fi Kiev u bliet oħrajn…Dan wara l-attakki mill-ajru konsistenti tal-qawwiet Russi li qegħdin jikkonċentraw speċifikament fuq is-settur tal-enerġija fl-Ukrajna.

Dan ukoll meta l-mijiet tal-bini residenzjali fil-kapitali Ukrena jinsabu mingħajr provvista ta’ elettriku f’dawn il-jiem ta’friża u fost it-temperaturi li niżlu għal 40 grad taħt iz-zero.

Intant, Zelensky u uffiċjali oħrajn tal-Gvern qed jippruvaw jipprovdu sostenn lill-komunitajiet oħrajn ‘il hinn mill-kapitali li wkoll ġarrbu l-impatt tad-drones u l-missili sparati mir-Russi.

Ir-Russja, fil-fatt, qed iżżid l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna bħala parti minn tattika biex ‘tkisser il-moral tal-Ukreni’ li għadhom qed jirreżistu lill-Armati tal-Kremlin f’din il-gwerra li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

L-istraġija tar-Russi hi partikularment kiefra fi żmien meta r-reġjun li jinkludi lill-Ukrajna qed iġarrab l-elementi ta’ waħda mill-aktar staġuni ħorox tax-xitwa għal ħafna snin.

U s-sitwazzjoni għaċ-ċivili Ukreni issa saret iddisprata proprju fi żmien meta l-Uffiċjali ta’ pajjiżhom, flimkien ma’ delegazzjonijiet oħrajn mill-Istati Uniti u r-Russja, qed jiltaqgħu mill-ġdid f’Abu Dhabi biex jiddiskutu d-dettalji ta’ pjan għall-paċi fl-Ukrajna.

Intant – minbarra Kiev – l-agħar sitwazzjonijiet relatati mal-enerġija qed jinħassu fir-reġjuni Ukreni ta’ Kharkiv, Sumy u Poltava. Id-diffikultajiet huma wkoll kbar fi bnadi oħrajn lejn iċ-ċentru tal-Ukrajna, speċjalment fir-reġjuni ta’ Dnipro u Cherkasy.

Dan ukoll meta l-iskwadri għall-emerġenzi fl-inħawi kienu mfissra bħala ‘eżawriti daqs ir-residenti tal-ibliet maqbudin f’din il-morsa ta’ kesħa’.

Fil-fatt, mijiet kbar ta’ residenti qed ikunu sfurzati li jqattgħu l-iljieli fl-istazzjon tal-metro fi Kiev bħala l-aħjar mezz li jipprovdilhom ftit tas-sħana – u meta l-inħawi qed ikunu ddominati wkoll bl-irwiefen tal-borra.

L-awtoritajiet fil-kapitali, intant, qed jimpurtaw aktar ġeneraturi biex ma jġarrbux l-akbar impatt tal-blackout fit-tul – u meta l-inġiniera qed jippruvaw isewwu l-ħsarat dovuti għad-drones u l-missili tar-Russi.

Il-Ministru Ukren għall-Enerġija, Denys Shmyhal, qal, sadanittant, li s-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna se ddum biex tiffunzjona kif suppost u skont l-esiġenzi tal-poplu….Dan meta l-impjanti ewlenin għall-enerġija fi Kiev u Kharkiv ġarrbu l-ħsarat kbar u estensivi mill-burraxki tar-Russi li kienu qed ikomplu sa ftit tal-ħin ilu.