Lokali Qorti

“Ma jagħmilx sens li l-Prim Ministru qed jisforza vot fil-Parlament” – Kurt Sansone

“La l-kariga ta’ Prim Imħallef għandha bżonn kunsens miż-żewġ naħat tal-Kamra ma jagħmilx sens li l-isem propost mill-gvern jitperreċ mal-erbat irjiħ mill-prim ministru meta kien jaf li m’hemmx l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. U aktar ma jagħmilx sens li l-prim ministru jisforza l-vot fil-parlament meta jaf li dan mhux se jgħaddi. L-uniku ħaġa li qed jagħmel il-prim ministru hu jumilja lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għal skop politiku partiġġjan”.

Hekk iddikjara l-editur eżekuttiv tal-MaltaToday Kurt Sansone f’analiżi li wassal wara s-saga tal-Prim Imħallef u l-kontroversja sħiħa li inħolqot minn Robert Abela innifsu – sempliċiment għaliex baqa’ jsabbat saqajh.

Kurt Sansone stqarr illi setgħu faċilment jitkomplew it-taħdidiet fil-kwiet sakemm jintlaħaq kunsens fuq Prim Imħallef ġdid – persuna li tista’ tintgħażel mill-bank tal-ġudikatura, li fi kliem Sansone huwa “imżewwaq b’talenti tajbin”.

Hu jinsisti wkoll li bħalissa m’hemm l-ebda kriżi kostituzzjonali għaliex il-Kostituzzjoni tippermetti li l-prim imħallef sedenti jibqa’ fil-kariga sakemm ikun hemm l-għażla tas-suċċessur.

“Wisq nibża’ li l-gvern qed jipprova jimmanifattura kriżi fejn m’hemmx”, stqarr Kurt Sansone fl-analiżi tiegħu, li tkompli titfa’ dawl fuq il-manuvri qarrieqa li wettaq Robert Abela fl-aħħar jiem – minflok issoktaw id-diskussjonijiet b’mod kunfidenzjali, kif talab il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta MaltaToday, l-attitudni li ħa Robert Abela f’dan il-każ ġiet deskritta bħala pwerili. Anzi, imur oltre. U l-istess editorjal jgħid li l-Prim Ministru ma jista’ qatt jitwemmen li ħareġ l-isem ta’ Consuelo Scerri Herrera għat-trasparenza – skuża li fi kliem il-MaltaToday, ma ħadmitx.

Alex Borg minn naħa tiegħu appella b’saħħa biex il-Gvern jirtira l-mozzjoni li tressqet għall-kariga ta’ Prim Imħallef. U minflok, iż-żewġ naħat ikomplu bid-diskussjonijiet b’sens ta’ maturità u għall-ġid nazzjonali.