Axisa Eriksen, li għandha 19-il sena, hija l-ewwel skier tal-cross-country li se tirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Imwielda minn missier Norveġiż u omm Maltija, Axisa Eriksen ikkompetiet f’kompetizzjonijiet tal-ogħla livell, fosthom it-Tazza Norveġiża, Kampjonati Nazzjonali Junior u Kampjonati Dinjija f’Trondheim fl-2025 fejn assigurat il-kwalifikazzjoni tagħha għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa ta’ Milano Cortina.
Jenny Axisa Eriksen intensifikat il-programm ta’ taħriġ tagħha għall-Olimpijadi fejn kienet ibbażata f’Lillehammer, fejn kienet qed titħarreġ mat-Tim Hedmark Sjusjøen taħt il-gwida tal-kowċ Henrik Pedersen. Dan l-istaġun ikkompetiet fil-Ftuħ tal-Istaġun Norveġiż, fit-Tazza Norveġiża, Tazza tal- Skandinavja f’Östersund, l-Iżvezja, u t-Tazza Ġermaniża f’Hohenzollern-Abersee.
Nhar il-Ġimgħa Axisa Eriksen se ġġorr il-bandiera Maltija waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ fil-Predazzo Cluster fl-Istadium tal-Ski Jumping, fejn se jkun ibbażat Tim Malta .
Ix-Chef de Mission għall-Olimpijadi ta’ Milano Cortina hija Maria Vella-Galea, Direttur tal-Media u Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kumitat Olimpiku Malti. Fil-kontinġent Charlene Attard, Direttur tal-Isport u l-Kowċ Henrik Skjervold Pedersen. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u s-Segretarju Ġenerali Kevin Azzopardi se jattendu l-Logħob bħala mistiedna tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Il-parteċipazzjoni f’Milano Cortina 2026 timmarka r-raba’ darba li Malta ikkompetiet fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa wara Elise Pellegrin Alpine Skiing f’Sochi 2014 u PyeongChang 2018, u Jenise Spiteri fis-Snowboarding f’Beijing 2022.




