Lokali Qorti

Miċħuda kważi l-eċċezzjonijiet preliminari kollha f’każ ta’ abbuż sesswali fuq minuri ta’ 11-il sena

Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet il-biċċa l-kbira tal-eċċezzjonijiet preliminari mqajma minn Christoph Doll f’każ serju li fih qed jiffaċċja akkużi ta’ natura sesswali fuq minuri ta’ 11-il sena, fosthom parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età, fastidju ta’ minuri, solleċitazzjoni permezz ta’ mezzi teknoloġiċi u reati relatati ma’ materjal indeċenti. Doll qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq il-każ.

Id-deċiżjoni tikkonċerna l-proċeduri preliminari relatati mal-att ta’ akkuża imressaq mill-Avukat Ġenerali kontra Doll, ċittadin Ġermaniż ta’ 36 sena residenti n-Naxxar. Il-każ jirrigwarda allegazzjonijiet li jmorru lura għall-perjodu bejn l-2014 u l-2015, meta l-allegata vittma kienet ta’ età żgħira ħafna.

L-akkużat kien ippreżenta sensiela ta’ eċċezzjonijiet preliminari skont l-Artikolu 449 tal-Kodiċi Kriminali, fejn sostna, fost oħrajn, li ċerti kapi tal-att ta’ akkuża kienu nulli minħabba nuqqasijiet fil-formulazzjoni legali, diskrepanzi bejn il-parti narrativa u dik akkużatorja, kif ukoll minħabba li l-pieni mitluba, skont hu, kienu jaqbżu l-limiti stabbiliti mil-liġi.

Il-Qorti eżaminat fid-dettall l-eċċezzjonijiet li baqgħu pendenti wara li l-akkużat irtira numru minnhom, u kkonkludiet li t-tielet u r-raba’ eċċezzjoni, li jikkontestaw l-eżistenza tal-aggravanti dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza, ma kellhomx jintlaqgħu.

L-Imħallef osservat li l-att ta’ akkuża, meqjus fis-sustanza tiegħu, jagħti biżżejjed dettalji sabiex l-akkużat ikun jaf x’inhuma l-allegazzjonijiet kontrih u jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu. Il-kwistjoni jekk effettivament kienx jeżisti rapport ta’ fiduċja, qalet il-Qorti, hija waħda fattwali li għandha tiġi deċiża mill-ġurati waqt il-proċess.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-għaxar eċċezzjoni preliminari, li kienet tgħid li l-piena massima mitluba fit-tielet kap tal-att ta’ akkuża kienet teċċedi dak permess mil-liġi. Hawnhekk, il-Qorti qablet mar-raġunament tal-Avukat Ġenerali li, minħabba n-natura kontinwa tar-reat u l-applikazzjoni tal-aggravanti previsti mil-liġi, il-piena massima setgħet titla’ sa 12-il sena priġunerija.

Madankollu, l-Imħallef laqgħet il-ħdax-il eċċezzjoni preliminari mqajma mid-difiża, li kienet tirrigwarda l-piena minima mitluba fir-raba’ kap tal-att ta’ akkuża. Il-Qorti nnutat li, fil-verżjoni kkoreġuta tal-att ta’ akkuża, ma kienx hemm riferiment għall-artikolu tal-liġi li jintroduċi aggravanti addizzjonali li jżidu l-piena minima. Għaldaqstant, u sabiex ma tiġix aggravata s-sitwazzjoni legali tal-akkużat b’emendi li jmorru kontra l-liġi, il-Qorti stabbiliet li l-piena minima applikabbli għandha tkun dik ta’ tnax-il xahar priġunerija u mhux ogħla.

B’din id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat li l-proċeduri jistgħu jimxu ’l quddiem fuq il-biċċa l-kbira tal-kapi tal-akkuża kif imressqa, filwaqt li ċċarat il-qafas legali tal-pieni applikabbli. Il-każ issa mistenni jkompli għall-istadju li jmiss quddiem ġurija.

Kienu ltaqgħu waqt festin u bdew jikkorrispondu fuq Facebook

Il-Qorti tal-Appell Kriminali fl-2021 kienet ukoll iddeċidiet li Doll se jkollu l-istqarrija li kien ta lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu moqrija lill-ġurati, wara li kienet qalbet deċiżjoni preċedenti li kienet ordnat it-tneħħija tagħha mill-atti tal-każ.

Id-deċiżjoni kienet ittieħdet fil-kuntest ta’ appell imressaq mill-Avukat Ġenerali, li kien talab lill-Qorti tal-Appell biex tħassar sentenza tal-Qorti Kriminali li kienet iddikjarat bħala inammissibbli stqarrija ta’ tmien paġni li Doll kien ta lill-Pulizija.

Dik l-istqarrija kienet ittieħdet mingħajr il-preżenza fiżika ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni, iżda wara li l-akkużat kien tkellem mal-avukat tal-għażla tiegħu, Giannella de Marco, kif kienet tippermetti l-liġi fis-seħħ dak iż-żmien.

Doll jinsab mixli li abbuża sesswalment minn tifla ta’ 11-il sena, familjari tiegħu, fl-2014 u fl-2015, meta kellu 31 sena. Huwa akkużat ukoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-minuri, li kkorrompiha, li abbuża minn apparat elettroniku biex jikseb immaġini indeċenti tagħha u li kien fil-pussess ta’ materjal pornografiku tat-tfal.

Il-Qorti semgħet kif il-minuri kienet iltaqgħet mal-akkużat waqt party li attendiet għaliha flimkien mal-familja tagħha. Huwa kien sar ħabib ta’ fiduċja kbira għall-familja, u b’mod partikolari għat-tifla, li saħansitra kienet żieditu bħala ħabib fuq Facebook. Bejniethom bdew jikkomunikaw permezz ta’ Facebook Messenger, u maż-żmien il-kontenut ta’ dawn il-konversazzjonijiet sar ta’ natura sesswali.

Skont ix-xhieda tal-vittma, f’okkażjoni minnhom, waqt komunikazzjoni fuq Messenger, l-akkużat stiedinha fid-dar tiegħu fir-Rabat. Minħabba li kien meqjus bħala ħabib ta’ fiduċja tal-familja, ommha kienet tippermettilha tmur għand l-akkużat. Il-każ ħareġ għad-dawl meta t-tifla fetħet qalbha ma’ ommha.

Wara rapport ippreżentat mill-omm u mit-tifla stess, Doll ġie arrestat u ta stqarrija lill-Pulizija wara li ġie informat bid-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt li jibqa’ sieket. Il-Qorti tal-Appell kienet innutat li fl-istqarrija tiegħu l-akkużat ċaħad kull allegazzjoni, wieġeb għal ċerti mistoqsijiet u għażel li ma jweġibx għal oħrajn, fatt li jindika li fehem it-twissija mogħtija u eżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu sa minn stadju bikri tal-proċeduri.

Sena qabel id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali, Doll kien irnexxielu jikkonvinċi lill-Qorti, fil-kuntest ta’ eċċezzjonijiet preliminari, li l-istqarrija mogħtija mingħajr il-preżenza tal-avukat kienet ta’ detriment għad-dritt tiegħu għal proċess ġust. Il-Qorti, kienet laqgħet l-argumenti tiegħu u ordnat it-tneħħija tal-istqarrija mill-atti.

Madankollu, fl-appell tiegħu, l-Avukat Ġenerali sostna li l-akkużat kien ingħata d-drittijiet kollha kif kienu stabbiliti mil-liġi dak iż-żmien u li ġurisprudenza konsistenti kienet tikkonferma li n-nuqqas ta’ preżenza ta’ avukat waqt interrogazzjoni ma jfissirx awtomatikament ksur ta’ drittijiet fundamentali.

Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ dan ir-raġunament, u rreferiet ukoll għal deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li sostniet li każijiet bħal dawn għandhom jiġu evalwati fuq bażi individwali. Il-Qorti qalet li ma setgħetx taqbel mad-deċiżjoni tal-ewwel Qorti li ddikjarat l-istqarrija “inammissibbli skont il-liġi”, meta din kienet ittieħdet skont il-qafas legali applikabbli dak iż-żmien.

L-Imħallfin fl-appell kienu osservaw ukoll li l-ġustizzja ġenerali tal-proċess kollu ma tistax tiġi evalwata f’dan l-istadju, peress li l-ġuri għadu ma seħħx. Huma spjegaw li l-ġurati se jkunu ggwidati mill-Imħallef li jkun qed jippresiedi l-ġuri dwar il-valur probatorju tal-istqarrija, u li l-Qorti għandha s-setgħa teskludiha jekk tqis li tista’ tikkomprometti l-ġustizzja tal-proċeduri.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Appell fakkret li l-akkużat xorta waħda jista’ jeżerċita d-dritt ta’ appell minn kwalunkwe verdett ta’ ħtija fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell kienet ordnat li l-istqarrija terġa’ tiddaħħal bħala prova fil-proċess.