Opinjoni

Opinjoni: Nitgħallmu meta nosservaw madwarna

Il-lezzjoni mill-esperiment tal-psikologu David Rosehan hi qawwija – il-verità taf tkun miċħuda fid-dawl li nkunu mġiegħla nemmnu veritajiet oħrajn. Il-perċezzjoni hija perikoluża daqskemm hija perikoluża l-verità.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Fid-dinja politika, aħna involuti, għandna tendenza ningħalqu f’‘bużżieqa’ partiġjana li ma tħallina naraw xejn għajr dak li rridu naraw, jew dak li kontinwament naraw mingħajr ma jkollna l-opportunità nifhmu verament x’qed jiġri lil hinn minn din il-‘bużżieqa’.
Hija tendenza komuni, jidhirli, għaliex ħafna drabi ma jkollniex biżżejjed il-kuraġġ nieqfu u nisimgħu lil min ma jaqbilx magħna u aktar minn hekk nieqfu nippruvaw nifhmu għaliex ma jaqbilx magħna. Hija naturali li l-bniedem ma jħobbx ikun kritikat, u din inħossha ħafna fil-politika.
Madankollu, irridu nsibu aktar kuraġġ – jekk għandi nuża din il-kelma ftit goffa – biex nagħmlu pass lura (kultant) u nħallu lil ħaddieħor jitkellem, lil ħaddieħor jgħid tiegħu u nosservaw.
Mhux faċli li aħna l-politiċi nagħmluh dan il-pass lura, imma jidhirli li huwa neċessarju għaliex jippurifikana mill-ideat u mill-ħsibijiet kostanti li kultant ikunu staġnati purament abbażi l-kulur u l-opinjoni politika biss. Għalhekk, nibqa’ nemmen f’kemm hu importanti l-kuntatt dirett mal-kostitwenza fid-diversità politika tagħha, sabiex inkomplu naraw id-dinja politika mil-lenti ta’ min qiegħed isegwi – ġeneralment mhux daqsna midħla sewwa – mill-bogħod imma b’lenti analitika li ħafna drabi tkun imġarrba minn esperjenzi jiswew id-deheb.

Analoġija li tista’ tgħallimna
Se nagħmel analoġija li tista’ tgħallimna ħafna f’ħafna kuntesti differenti – u nkun katergoriku, mhux se nkun qiegħed nitkellem dwar is-Saħħa Mentali f’dan l-artiklu.
Fl-1973, il-psikologu David Rosehan għamel esperiment importanti li fih ried jisfida n-norma: qatt xi darba l-professjonisti fid-dinja tas-saħħa mentali jistgħu jiddefenixxu min verament għandu problema jew le?
L-esperiment telaq minn din l-idea, u f’dik is-sena, tmien persuni mingħajr ebda problemi ta’ saħħa mentali ġew ammessi f’istituzzjonijiet psikjatriċi fl-Istati Uniti. Ħadd ma ta kas, jew innota xejn li mhux f’postu. Mid-dokumentazzjoni provduta, nafu li dawn it-tmien persuni gidbu fuq ħaġa waħda: qalu li qed jisimgħu l-ilħna jgħidu tliet kelmiet speċifiċi – “empty”, “hollow”, “thud” – xejn aktar, xejn anqas.
Fil-mument li kienu fl-istituzzjonijiet rispettivi, aġixxew b’normalità assoluta. Waqfu jippretendu. Ikkoperaw. Talbu li jinħarġu mill-istituzzjonijiet. Ħadd ma ta kas – hawnhekk ukoll. Kull azzjoni minn tagħhom kienet interpretata bħallikieku marda. Kull notament li kitbu (parti mill-esperiment) kien kunsidrat b’ossessjoni, l-istennija b’paċenzja kbira bdiet tidher b’pataloġija. L-ubbidjenza u l-imġiba tajba ġiet interpretata b’sintomi kkontrollati.
Sebgħa minn dawn il-‘pazjenti’ ngħataw id-dijanjosi ta’ Schizophrenia, wieħed b’dipressjoni akuta. Ebda ‘pazjent’ minn dawn it-tmienja ma kien identifikat mentalment f’sikktu. L-ironija kienet brutali.
Pazjenti attwali oħra – li ma kinux parti mill-esperiment – indunaw, fehmu li dawn it-tmienja ma kellhom ebda mard mentali. B’mod medju, baqgħu miżmuma għal 19-il jum. Persuna waħda damet aktar – 52 jum. Id-dijanjosi baqgħet magħhom, timmarkahom. Imma meta Rosehan ippubblika l-istudju tiegħu, id-dinja nqalbet rasha ’l isfel.

It-tabelli mhux dejjem ikunu reali
Għall-fini tal-artiklu mhux se nidħol fil-mertu tar-riżultati. Irrid biss nuża dan l-esperiment – li qrajt dwaru u ħallieni impressjonat għal ħafna raġunijiet (li mhumiex politiċi imma umani u forsi għalhekk bqajt impressjonat) sabiex nuri li fid-dinja, mhux dak kollu mogħti tabella huwa dejjem hekk.
Mhux dak kollu li huwa ‘hekk’ għax qalulna ‘hekk’ huwa minnu.
Il-lezzjoni minn dan l-esperiment hija qawwija – il-verità taf tkun miċħuda fid-dawl li nkunu mġiegħla nemmnu veritajiet oħrajn. Il-perċezzjoni hija perikoluża daqskemm hija perikoluża l-verità.
Għaliex ridt insemmi dan l-esperiment f’din il-kitba? Sal-mument li qiegħed nikteb għadni ma jienx konvint għaliex ħassejt li norbot dan l-argument mal-idea tal-politika. Imma naf li tlaqt mill-idea essenzjali li l-bniedem huwa ħafna aktar minn dak li forsi jidher. Kemm huwa importanti għalhekk, li nieqfu nisimgħu, nixtarru u nifhmu verament aktar minn dak li jidher fil-wiċċ. Fil-ħajja normali, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-istituzzjonijiet varji, fl-oqsma edukattivi u l-bqija.
Fid-dinja politika, mela, kultant irridu nifqgħu l-‘bużżieqa’ li żżommna mogħmija u mdawla biss b’dak li rridu naraw u li dak li rridu nisimgħu. Ejja nkunu aktar esposti għall-kritika, għall-verità, naċċettaw li ma aħniex perfetti, li l-illużjonijiet li nipprovaw nesebixxu hemm barra mhux dejjem huma veri jew korretti.

L-importanza li mmorru għand in-nies b’umiltà
Jekk inkunu umli biss, immorru għand in-nies bħala ‘tabula rasa’ (skont l-idea ta’ John Locke), jiġifieri mneżżgħa minn kull idea u nħallu biżżejjed spazju biex nieħdu mingħandhom, nistgħu nirnexxu. Kemm tkun ħaġa isbaħ kieku nġorru magħna anqas pretensjonijiet, anqas arja, anqas kunfidenza – u naġixxu abbażi ta’ dak li qed naraw u nisimgħu madwarna, dejjem mingħajr ma nittimbraw jew niġġudikaw.
Wisq nibża’ li mhix faċli, anzi nibżgħu li jekk tinfaqa’ l-‘bużżieqa’ d-dinja tagħna tieqaf hemm. Imma ħadd mhu għal dejjem, u jekk ma aħniex kapaċi nifqgħu l-‘bużżieqa’ biex ninżlu man-nies, biex inkunu umli, biex nibdew ‘from scratch’, allura jasal mument fejn il-‘bużżieqa’ tagħna jifqagħhielna f’wiċċna ħaddieħor.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 4  ta’ Frar, 2026.