Lokali

Opinjoni: Pajjiż taħt pressjoni

■ F’Novembru tas-sena li għaddiet ktibt serji ta’ artikli f’dan il-ġurnal li fihom tajt l-aktar informazzjoni reċenti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-popolazzjoni ta’ residenti barranin f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex. Dik is-serje kont temmejtha b’suġġett partikulari u attwalissmu: il-mozzjoni li l-kunsillieri Nazzjonalisti kienu qed iressqu f’kull lokalità dwar il-ħtieġa urġenti li jsir eżerċizzju ta’ carrying capacity għal kull lokalità. ■ Jekk, s’issa, il-Gvern għadu ma rreaġixxiex għal din it-talba tal-kunsillieri tal-PN issa għandu ‘twiddiba’ oħra ċara daqs il-kristall. Dak li jissejjaħ il-Global Risks Report 2026 tal-World Economic Forum pubblikat f’Jannar ta’ din is-sena, elenka l-akbar ħames riskji ta’ Malta tul l-2025. Eżami bir-reqqa ta’ dawn ir-riskji għandu jipperswadi anki lill-aktar ras iebsa fil-Gvern Laburista li studji bħal dawk li qed jipproponi l-PN m’għadhomx aktar għażla iżda dover bla telf ta’ żmien.

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’
In-Nazzjon u Il-Mument

Rapport tal-Wold Economic Forum jidentifika r-riskji ewlenin ta’ Malta

Ir-Rapport Globali dwar ir-Riskji għall-2026 tal-World Economic Forum jidentifika numru ta’ riskji li Malta qed tiffaċċja bħalissa.
Dan huma s-sejbiet prinċipali li jispikkaw fir-rigward ta’ Malta:
■ Nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ talent: dan kien identifikat bħala l-akbar riskju ekonomiku għal Malta fl-2025. Malta tinsab fost il-ftit pajjizi fid-dinja fejn dan ir-riskju kien klassifikat fl-ewwel post, saħansitra anki qabel l-inflazzjoni.
■ Pressjoni fuq l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni: ir-rapport jindika li l-ispejjeż dejjem jogħlew qed ikomplu jolqtu kemm lin-negozju kif ukoll il-familji, b’effett dirett fuq dak li jissejjaħ spending power.
■ Tniġġiż ambjentali: it-tniġġiż fl-arja, fl-ambjent urban, u f’zoni residenzjali kien klassifikat ukoll fost l-akbar riskji għal Malta – aspett li jispikka meta jitqabbel ma’ pajjiżi oħrajn Ewropej.
■ Pressjoni fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi: żieda fid-domanda fir-rigward tat-toroq, it-trasport, il-kura tas-saħħa, u servizzi oħrajn qed toħloq riskju reali għall-funzjonament effiċjenti tal-pajjiż.
■ Sfidi strutturali fit-tkabbir ekonomiku: ir-Rapport iwissi li mudell ekonomiku li jiddependi fuq tkabbir ta’ malajr u bla rażan jista’ jwassal għal vulnerabbiltà jekk ma jkunx megħjun minn investiment proporzjonali fir-riżorsi u fin-nies meħtieġa.
Il-World Economic Forum jenfasizza li dawn ir-riskji – jekk ma jkunux indirizzati b’politika fit-tul u ppjanar sostenibbli – jistgħu jaffettwaw mhux biss it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.

Meta t-tkabbir isir riskju

Pressjoni kontinwa fuq il-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer

Ir-Rapport Globali dwar ir-Riskji għall-2025 tal-World Economic Forum (WEF) – The Global Risks Report 2025 – jitfa’ dawl qawwi fuq realtà li ħafna Maltin iħossuha kuljum iżda li rarament tkun rikkonoxxuta b’mod ċar f’diversi diskussjonijiet, inkluż dawk uffiċjali. Minkejja snin ta’ tkabbir ekonomiku mgħaġġel, Malta qed tiffaċċja pressjonijiet dejjem jikbru li, issa permezz ta’ dan ir-Rapport, qed ikunu identifikati bħala riskji serji għall-futur ta’ pajjiżna.
Dak li joħroġ minn dan ir-Rapport iqajjem mistoqsijiet fundamentali tassew: in-nuqqas ta’ ħaddiema ta’ talent, riskju li kien klassifikat bħala l-akbar riskju ekonomiku għal Malta fl-2025. Bħala stat ta’ fatt Malta tinsab fost numru żgħir ħafna ta’ pajjiżi fejn dan ir-riskju hu meqjus bħala l-akbar wieħed.
■ Ngħiduha mill-ewwel: dan mhux każ ta’ ekonomija li ma tikbirx. Anzi, bil-kontra. Hu sinjal ta’ ekonomija li qed tipprova terfa’ ħafna aktar milli tiflaħ.
Is-setturi ewlenin – mit-turiżmu sal-igaming, mill-kostruzzjoni sas-servizzi finanzjarji – kollha qed ifittxu aktar nies, aktar ħin, aktar spazju, iżda l-pajjiż hu dak li hu, żgħir, b’densità qawwija, u b’‘kapaċità’ limitata.
Din is-sitwazzjoni qed toħloq pressjoni kontinwa fuq il-ħajja ta’ kuljum. Min iħaddem qed isibha dejjem aktar diffiċli biex isib ħaddiema adegwati. Għalkemm il-pagi f’xi setturi qed jitilgħu, l-għoli tal-ħajja qed jiżdied b’rata aktar mgħaġġla. Il-konsegwenza hi li ħafna familji jsibu ruħhom jaħdmu aktar iżda jġemmgħu ħafna inqas… jew xejn.
■ It-tieni riskju li jsemmi r-Rapport hu proprju l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni. Għalkemm dawn huma problemi globali, f’pajjiż żgħir bħal Malta, kull xokk minn barra l-pajjiż jidħol hawn b’forza kbira. Meta d-domanda tkun għolja fir-rigward ta’ prattikament kollox – minn kiri ta’ appartament sa servizzi bażiċi – il-prezzijiet jitilgħu u l-piż jaqa’ fuq min jgħix u jaħdem f’pajjiżna.
■ Imbagħad hemm ir-riskju, li spiss ikun minimizzat, iżda li r-Rapport ipoġġih fost l-aktar tħassib serju: it-tniġġiż. Mhux biss bħala kwistjoni ambjentali iżda bħala fattur li jolqot il-kwalità ta’ ħajja u s-sostenibbiltà ekonomika.
Traffiku li ma jieqaf qatt, it-trab tal-kostruzzjoni, zoni urbani dejjem aktar iffullati u, pressjoni anki fuq il-kosta, qed jagħmlu l-ambjent tagħna dejjem aktar ta’ dannu għalina.

Mingħajr Bilanċ
■ Meta pajjiż jibni, jiżviluppa u jkabbar l-attività ekonomika tiegħu b’pass mgħaġġel iżda mingħajr bilanċ bejn dak li jdaħħal u dak li jista’ jlaħħaq miegħu, il-konsegwenzi jkunu inevitabbli. U propju dawn qed jidhru wkoll fir-riskju l-ieħor imsemmi mir-Rapport: il-pressjoni fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi.
■ Toroq ippakkjati bil-karozzi minn kull fejn tgħaddi, trasport pubbliku taħt pressjoni bħal qatt qabel, sptarijiet u skejjel li qed iħabbtu wiċċhom ma’ domanda dejjem tiżdied – dawn mhumiex ċirkustanzi separati minn xulxin iżda pjuttost parti mill-istess stampa. Sistemi li qed jintalbu jagħmlu ħafna aktar milli qatt kienu nħolqu biex jipprovdu.
Il-punt li joħroġ minn dan kollu hu li t-tkabbir fih innifsu mhux problema iżda jista’ jsir riskju jekk ma jkunx imqassam u maħsub b’mod għaqli. Ekonomija li tiddependi fuq żieda kontinwa fid-domanda, fil-produzzjoni u fl-attività mingħajr ma tqis il-limiti kollha u reali ta’ pajjiż fosthom dawk fiżiċi u soċjali – tkun qed tibni pressjoni li tista’ ma tidhirx mill-ewwel iżda li tinħass maż-żmien… kif issa naħseb li qed nittendu.
Il-World Economic Forum ma jippubblikax rapport biex jattakka xi pajjiż jew ieħor iżda meta jidentifika dawn ir-riskji, ikun qed jibgħat messaġġ ċar: is-sostenibbiltà mhix kwistjoni ta’ għażla iżda ħtieġa assoluta.
Għal Malta dan ifisser li ISSA trid tħares mhux biss lejn kemm tikber l-ekonomija iżda lejn kif tikber, għal min qed tikber, u safejn tista’ tasal.
Il-problema fil-qalba tagħha hi waħda sempliċi: Malta qed tipprova tagħmel kollox, għal kulħadd, fl-istess spazju limitat. Meta l-attività, id-domanda u l-bżonnijiet jiżdiedu aktar malajr milli l-‘kapaċità’ tal-pajjiż tista’ tikber, il-pressjoni ssir inevitabbli. F’dak il-punt, kull riżultat miksub jibda jġorr miegħu prezz li jinħass u jitħallas minn kulħadd.
Il-mistoqsija li tibqa’ mhix jekk dawn il-pressjonijiet jeżistux – tant huma evidenti – iżda jekk il-pajjiż hux lest li jindirizzahom b’viżjoni fit-tul qabel ma r-riskji li llum qed naqrawhom f’rapport isirux dejjem aktar realtà diffiċli ħafna biex tkun tista’ tinbidel.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 4  ta’ Frar, 2026.