Lokali

Opinjoni: Tirbaħ lura

L-iktar sfidi kbar li jsib quddiemu l-bniedem huma marbuta mal-bidliet fil-mod ta’ kif wieħed iġib ruħu. Ħafna drabi jridu jgħaddu s-sekli, u drabi oħra kollox jibqa’ ma jinbidilx

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Il-ħsieb tal-preċedent jew li l-affarijiet dejjem saru hekk jitressqu quddiem moħħ il-bniedem biex ma jinbidilx. Ħafna drabi trid sforzi kbar biex tikkonvinċi li hemm bżonn li l-metodu, il-mentalità u l-proċess sħiħ ikunu differenti.
Hemm tradizzjonijiet, prattiċi varji li jitwieldu f’ħidmet il-persuni. Dak li ħafna jikkonvinċu ruħhom li huwa l-komportament ġust u proprju, u li għalhekk m’hemmx bżonn aġir ieħor jew li wieħed jaħseb f’toroq ġodda.

Hemm bżonn
Imma r-realtà turik, kull darba, li soċjetà tavvanza ‘l quddiem jekk tifhem li trid timxi ’l quddiem u tagħżel. Timxi biex tkun aħjar milli hija. Biex tiġbor aħjar ir-riżorsi li għandha u ġġib iktar fis-seħħ l-iskopijiet li tkun twieldet għalihom.
Anki jekk persuna tifhem dan u tista’ wkoll tkun b’xi mod konvinta, xorta l-azzjoni mhux dejjem tkun kif u fejn għandha tkun. Is-saqajn tal-moħħ jibqgħu jaħsbuha. Inkella jibqgħu jħarsu, xi drabi jittamaw li oħrajn jimbuttawhom ’il quddiem.
Anki jekk f’dan nibqa’ nemmen li l-liġi hija wkoll strument ta’ bidla fl-abitudnijiet umani, xorta waħedha mhijiex biżżejjed. Anki jekk liġi tistabbilixxi regoli u mekkaniżmi differenti minn qabel, xorta l-bniedem idum biex jinbidel. Idum biex ikun differenti u jimxi fit-triq il-ġdida.

Anki jekk
F’dan anki jekk jaf jifhem dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex, xorta qisu jibqa’ wieqaf jaħsibha. Jibqa’ qisu jistenna dak li jixtieq li jsir, imma li ma jsirx.
Jingħaqad ma’ dawk li jagħmlu ħajjithom jistennew xi bidla li ma sseħħx. Imma f’dan xorta, bħala politiku, aktar wieħed irid jimxi ’l quddiem. M’aħniex dawk li jemmnu li dak kollu li sar qabel kien preċiż, inkella li dak li kien jgħodd qabel għadu hekk illum.
Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom l-aspirazzjonijiet u l-kunċetti. Bidliet iridu jsiru; il-passat ma tistax tippreservah. Proprju f’dan ma nistgħux inkunu konservattivi. Proprju wkoll f’dan wieħed ma jibdilx dak li qiegħed jaħdem u għandu jwieġeb għal dak li l-bniedem irid biex jimxi ’l quddiem fid-dinjità li ħaqqu.

Il-passi jsiru
Tul din il-ġimgħa, fis-27 ta’ Jannar ftakart li erbatax-il sena ilu kienet ġiet fis-seħħ il-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Illum fil-Kapitolu 516 tal-liġijiet ta’ pajjiżna. Proċess twil ta’ leġiżlatura sħiħa li dħalt għaliha, anki jekk kelli quddiemi d-diversi diffikultajiet u ostakli li kien hemm.
Wieħed li ried attenzjoni kbira, imma wkoll li ħassejt li kien wasal il-mument li jsir. Iktar u iktar quddiem il-fatt li għal sekli sħaħ tkellimna fuq il-piena bħala dik li tagħlaq il-kapitolu tal-aġir illegali u kriminali ta’ bniedem.
Dik li tibgħat il-bnedmin il-ħabs. Issakkarhom hemm u tħallihom jistennew jiskuntaw iż-żmien tagħhom. Saru sforzi biex tipprova ġġib imġiba tajba fil-faċilità li ġiet imsejħa wkoll ‘korrettiva’, imma kien hemm bżonn proġett ikbar u iktar qawwi.

Fl-għeruq
Kien hemm, u għad hemm iktar illum mal-isfidi fil-kurrenti tad-delinkwenza tal-preżent, li wieħed imur lejn l-oriġini, ir-raġuni tal-aġir żbaljat.
Tifhem dak li wassal, u fl-istess ħin taġixxi sabiex tibni persuna biex ma tmurx lura lejn dik it-triq. Tasal biex taħdem biex ma tħallix iktar lil dik il-persuna f’idejn, jew għad-dispożizzjoni ta’ forzi li mhumiex ispirati mis-sewwa.
Tindaga u tibni bi proċess ta’ formazzjoni edukattiva mill-iktar wiesgħa. Mhux biss, imma persuna li tingħata t-taħriġ biex tidħol f’dinja li tkun inqatgħet minnha b’għodod ġodda għaliha. Dawk li permezz tagħhom jista’, għaliha nnifisha l-persuna tista’ tħoss li tista’ tibda ħajja differenti milli kellha.
Fejn tista’ toħloq futur aħjar għaliha u għal familtha, li huwa wkoll ikunu weġġgħu direttament b’dak li jkun seħħ. Sentenza tal-Qorti tolqot mhux biss lill-persuna akkużata, imma wkoll lil diversi oħra madwarha.

Timxi
F’dan ukoll ma ridniex nibnu biss il-proċess ta’ paroli fis-sens li qed toħloq mekkaniżmu sigur biex persuni, għaliex qed jirriformaw ruħhom, joħorġu qabel barra.
Jingħataw il-permess ikunu barra, lura fis-soċjetà bil-kundizzjoni li jekk jiżbaljaw jidħlu lura. Ridna nkunu iktar realistiċi. Immissu mal-fatt li ħafna drabi min iwettaq reat ma jifhimx il-konsegwenzi, l-effetti li jkun ikkaġuna fuq l-oħrajn.
Sija jekk humiex direttament fuq min twettaq, kif ukoll fuq is-soċjetà nnifisha. Daħħalna, għalhekk, mekkaniżmu ta’ medjazzjoni liberu, imma neċessarju, li fih dak li wettaq l-aġir jiltaqa’ mal-persuna li sofriet, biex jifhem kemm ġieb konsegwenzi u anki jekk mhux mal-vittma tar-reat direttament, mas-soċjetà nfisha. Proċess sabiex jiġi mħallas ukoll il-kumpens materjali u morali ma’ min sofra.

Ġabra sħiħa
F’dan kollu ppruvajna nippreparaw sabiex tibda tinbidel il-kultura biex il-liġi, meta tidħol fis-seħħ, issib forom ta’ pedament biex isostnuha.
Ġibna fis-seħħ id-Dipartiment tal-Probation u Parole apposta għal dan. Il-kunċetti sħaħ tal-liġi huma fihom infushom ambizzjużi. Però din hija t-triq li wieħed irid jaqbad biex ikollna inqas persuni li jispiċċaw fil-Faċilità Korrettiva u dawk li jmorru jirriformaw ruħhom verament. Biss, għalkemm saru sforzi kbar mill-persuni li huma f’dan id-Dipartiment, għadna ferm lura minn dak li jista’ jiġi reġistrat.
Fil-fatt dan kollu jiddependi minn kemm l-Istat qiegħed jinvesti fih. Kemm hemm persuni li jaħdmu jiddependi minn kemm hemm flus ivvutati fil-Baġit.
Mir-riżultati varji li kull sena jiġu reġistrati jidher ċar ħafna li mhijiex prijorità tal-pajjiż, mentri għandha tkun. Biex tirbaħ lura l-bnedmin trid tassigura li din il-liġi taħdem kif għandha, bil-mezzi sħaħ li għandha bżonn.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Frar, 2026.