Partitarji tal-President Veneżwelan, Nicolás Maduro, inġabru fil-belt kapitali tal-Veneżwela biex jitolbu l-ħelsien tiegħu – eżatt xhar mill-ħtif tiegħu mill-forzi armati Amerikani.
Fit-3 ta’ Jannar il-forzi armati Amerikani kienu ħatfu lill-President Maduro f’eżerċizzju bla preċedent li –skont il-Ministru għall-intern Veneżwelan – ħalla madwar mitt persuna mejta.
Il-Gvern Kuban – li għen fid-difiża tal-forzi Veneżwelani f’dak l-attakk – stqarr li 32 membru tal-forzi Kubani ġew maqtula. Mhuwiex ċar jekk l-imwiet tal-forzi Kubani humiex inklużi fil-figura tal-Ministru għall-intern Veneżwelan.
Id-dimostrazzjoni tal-partitarji – li kienet imsemmija ‘l-Marċ il-Kbir’ – rat eluf ta’ nies fit-toroq tal-kapitali Caracas jgħajtu “il-Veneżwela għandha bżonn lil Maduro”.
Iben il-President Maduro, Nicolas Maduro Guerra, – li hu wkoll Membru tal-Parlament Veneżwelan – indirizza lill-folla fuq palk f’nofs il-kapitali. Hu qal li l-ħtif ta’ Maduro minn armata barranija se tibqa’ ferita permanenti fuq il-pajjiż.
Fl-assenza tal-President Maduro, Delcy Rodriguez qed tokkupa l-irwol ta’ Aġent President fejn sabet ruħha tipprova tibbilanċja t-talbiet tal-partitarji ta’ Maduro u t-talbiet tal-President Amerikan Donald Trump – partikolarment fuq il-kwistjoni tal-kontroll tar-riservi taż-żejt.


