Lokali

Peter Agius jħeġġeġ biex il-mediċini kontra l-kanċer jidħlu fil-formolarju Malti u jsejjaħ lill-UE iżżid l-għajnuna għal cancers rari

Fil-Parlament Ewropew sar dibattitu ta’ livell għoli li mmarka l-Jum Dinji kontra l-Kanċer u matulu ġie diskuss kif Malta għandha fost l-aqwa servizzi tas-saħħa u l-ogħla rati ta’ fejqan mill-cancers komuni bħal dak tas-sider u l-prostata, iżda l-Maltin huma żvantaġġati sew fl-aċċess għall-mediċini kontra cancers oħra. Statistika ppreżenta mill-Organizazzjoni Ewropeja tal-Kanċer turi li pazjenti tal-kanċer f’Malta jitħallsu lura mill-Gvern 16% biss tal-ispiża f’mediċini kontra l-kanċer. Fl-Estonja u l-Ġermanja, pereżempju, il-mediċini kontra l-kanċer huma 100% bla ħlas. 


L-MEP Peter Agius rreaġixxa għal din l-istatistika saħaq li ħafna drabi, l-pazjenti Maltin ikollhom joħorġu l-flus mill-but għall-kura tal-kanċer jew inkella jirrikorru għand il-Community Chest fund, u dan b’ħafna stress li jiżdied mat-trawma tal-mard. Kompla jefasizza li wasal iż-żmien li dan ma jseħħx iktar u l-mediċini tal-kanċer jiġu nklużi fil-formolarji tal-mediċini li joffri l-Gvern.

Waqt id-dibattitu, organizzat mill-Kumitat tas-Saħħa tal-Parlament Ewropew, l-MEP Agius tkellem fuq il-fatt li f’Malta hawn rata ta’ fejqan għolja fejn jidħlu tipi ta’ kanċer komuni iżda bil-maqlub għall-kanċer rari. Ir-rata ta’ fejqan minn tipi ta’ kanċer rari f’Malta hi stmata madwar 20% inqas meta mqabbla ma’ ta Stati Membri żgħar  oħra u ma’ pajjiżi akbar bħall-Ġermanja u Franza. “Dan hu eżattament fejn l-Ewropa trid tagħmel id-differenza. Irridu nużaw l-kollaborazzjoni Ewropea biex inkomplu nsaħħu d-dijanjosi u l-kura tal-kanċer fl-Istati Membri żgħar li għandhom faċilitajiet limitati,”

L-MEP Agius issuġġerixxa li jissaħħu n-Netwerks Ewropej ta’ Referenza għat-tobba, kif ukoll użu akbar u aktar sistematiku tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali f’Malta għal tipi ta’ kanċer rari. B’reazzjoni għas-sejħa ta’ Agius, Elizabetta Zanon tal-European Cancer Organisation tkellmet fuq id-differenzi li għadhom jeżistu madwar l-Ewropa fil-kura tal-kanċer, u wissiet li l-aċċess għall-kura għadu jiddependi wisq mill-ġeografija, filwaqt li talbet għal pass lejn provvista aktar omoġenja tas-servizzi tal-kanċer madwar l-Unjoni.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, indirizzat ukoll id-diskussjoni u  tkellmet fuq il-Pjan Ewropew kontra l-Kanċer u sejjħet biex ikompli jiġi mplimentat kullimkien.