Lokali

Proġett biex it-tfal ikollhom l-opportunità li jinstemgħu u jinftiehmu

Go u Foster Clark jingħaqdu ma' Ridt biex jiffinanzjaw l-eMESA

RIDT ħabbret sħubija trasformattiva li timmarka pass importanti ’l quddiem fil-qasam tal-patoloġija tat-taħdit u l-lingwa f’Malta. Grazzi għall-finanzjament u l-appoġġ ġeneruż ta’ GO u Foster Clark, il-missjoni ta’ dan il-proġett hija li tiddiġitalizza l-valutazzjoni tat-taħdit għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Għal ħafna Patoloġisti tat-Taħdit u l-Lingwa (SLPs), l-analiżi manwali tat-taħdit ta’ tifel jew tifla tista’ tkun proċess twil u impenjattiv, li spiss jieħu bejn siegħa u sagħtejn xogħol wara s-sessjoni. L-app eMESA (Electronic Maltese English Speech Assessment) mistennija tbiddel dan kollu.

Permezz tad-diġitalizzazzjoni ta’ għodda xjentifikament ippruvata u standardizzata għall-valutazzjoni tat-taħdit, din l-applikazzjoni innovattiva se tnaqqas il-ħin tal-analiżi minn sigħat għal ftit minuti biss; telimina żbalji fil-kalkoli manwali u tiżgura preċiżjoni ogħla fid-dijanjosi.; titjib fl-involviment tat-tfal permezz ta’ interface diġitali u interattiva; u tappoġġja l-bilingwiżmu mfassal għal tfal li jitkellmu bil-Malti u bil-Malti-Ingliż.

Madwar 8–9% tat-tfal jesperjenzaw diffikultajiet fit-taħdit tal-ħsejjes u mingħajr intervent bikri u preċiż, dawn l-isfidi jistgħu jwasslu għal frustrazzjoni, ostakli fl-edukazzjoni u iżolament soċjali.

Dan il-proġett huwa aktar minn sempliċi app għax hu impenn lejn l-inklużjoni u sabiex ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura, l-app se tingħata b’xejn lill-SLPs fid-Dipartiment tas-Saħħa, fis-settur tal-edukazzjoni, fl-NGOs u fil-kliniċi privati.

ll-GO u Foster Clark urew viżjoni u investiment f’dan il-proġett li jiżguraw li kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità li jinstemgħu u jinftiehmu.